Kunsens bejn is-sidien tal-Boutique Hotels li l-mużika fil-Belt qed iddejjaq lill-klijenti tagħhom

Kevin Callus minn Ax Group qal li qed ikollhom diversi ilmenti mill-klijenti tagħhom minn meta daħal l-Avviż Legali li estenza l-mużika fil-kapitali mill-11pm sas-siegħa ta' filgħodu

Jidher li hemm kunsens bejn l-operaturi tal-Boutique Hotels fil-Belt Valletta kontra l-avviż legali li estenda l-mużika fil-Belt mill-11pm sas-siegħa ta’ filgħodu.

Waqt il-programm Xtra Sajf, Kevin Callus minn Ax Group qal li l-mużika għolja wara l-11pm qed itellifhom u qed ikollhom diversi ilmenti mill-klijenti.

Callus qal li l-bars huma parti integrali mill-esperjenza fil-Belt Valletta u hemm bżonn li l-partijiet kollha kkonċernati jitgħalmu jgħixu flimkien.

Insista li t-tip ta’ turist li jagħżel li joqgħod fil-Boutique Hotels mhuwiex dak it-tip li se jibqa’ sa tard bil-lejl jixrob u jiżfen.

“Normalment dawn joħorġu jieklu u jirritornaw il-lukanda mal-10:30pm biex jistrieħu,” insista Callus.

Qal li l-lukandi kollha investew fi twieqi u anke f’tagħmir ieħor li jnaqqas l-istorbju imma insista li fis-skiet tal-lejl, l-istorbju minn barra xorta waħda jinstema.

L-Avviż Legali li l-Gvern daħħal mingħajr konsultazzjoni qajjem rabja kbira fost ir-residenti Beltin iżda kien ikkundannat ukoll mill-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil-Lukandi u r-Ristoranti.

Ir-residenti Beltin saħansitra lesti biex jieħdu dan il-każ tagħhom quddiem il-Qorti, hekk kif il-Gvern ma jidhirx li se jiċċaqlaq.

Fil-fatt, meta kienet diskussa mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni kontra dan l-Avviż Legali, id-Deputati kollha tal-Gvern, li dwar il-kwistjoni baqgħu siekta, ivvotaw kontra li dan ikun irrevokat.

Anke l-Prim Ministru Robert Abela, meta mistoqsi minn dan is-sit, kien qal ċar u tond li l-Avviż Legali diġà jilħaq il-bilanċ neċessarju.

Callus saħaq li filwaqt li l-infurzar huwa importanti, mill-banda l-oħra insista li t-terminu “moderat” fl-Avviż Legali huwa vag ħafna.

Il-gazzetta ILLUM kienet ippubblikat sondaġġ xjentifiku li juri kif 60% tal-Maltin ma jaqblux ma’ dan l-Avviż Legali. 

Aqra hawn aktar dwar ir-raportaġġ tal-ILLUM dwar dan is-suġġett:

More in Politika