77% ta' dawk li vvotaw PN f'Marzu kontra mużika fit-toroq sas-1 a.m... imma 48.6% tal-votanti PL huma kontra wkoll

Jekk wieħed jagħti ħarsa iktar profonda lejn dan is-sondaġġ magħmul minn Polar għall-ILLUM dan juri illi l-aktar nies kontra huma dawk aktar anjzani, li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port kif ukoll fil-Punent

Huma kważi 60% dawk illi f'sondaġġ xjentifiku wieġbu illi ma jaqblux mal-avviż legali li ħabbar il-Gvern u li jitratta l-ħinijiet permessibbli għad-daqq tal-mużika fit-toroq fil-Belt Valletta. Dan l-avviż legali qajjem rabja fost diversi residenti Beltin li sostnew illi l-istorbju fit-toroq diġà qed idum, kif inhi s-sitwazzjoni llum, aħseb u ara ladarba se titħalla l-mużika għaddejja sas-1:00 a.m. Il-Gvern argumenta li f'din il-kwistjoni hemm bilanċ bejn il-bżonnijiet tar-residenti u dawk tan-negozji u sostna wkoll li l-avviż legali jagħmilha ċara li l-mużika li tista' tindaqq mill-11:00 p.m sas-1:00 a.m  fit-toroq trid tkun waħda moderata. Iżda qatt ma kien speċifikat eżattament xi tfisser "moderata" u min se jiddeċiedi dan.  

Jekk wieħed jagħti ħarsa iktar profonda lejn dan is-sondaġġ magħmul minn Polar għall-ILLUM dan juri illi l-aktar nies kontra - kif mistenni - huma dawk aktar anjzani, dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port kif ukoll fil-Punent u votanti Nazzjonalisti.  

Fil-fatt meta mistoqsijin lil min ivvutaw fl-aħħar elezzjoni jirriżulta qasma ċara ta' opinjoni fuq din il-kwistjoni bejn votanti nazzjonalisti u dawk laburisti, probabbilment riżultat tal-fatt li l-PN ressaq mozzjoni biex dan l-avviż legali jitreġġa' lura u kien voċiferament kontrih, filwaqt li l-PL kien jew favur f'mumenti jew inkella kawt ħafna f'dak li jgħid f'mumenti oħrajn. Fil-fatt, kważi 77% ta' dawk li vvutaw PN qalu illi huma kontra dan l-avviż legali, kuntrarjament għall-48.6% tal-votanti Laburisti li qalu l-istess. Huma biss 13% ta dawk li vvotaw PN li jaqblu, persentaġġ li jogħla fost il-votanti Laburisti għal 26.7%. Kważi kwart ta' dawk li vvotaw PL fl-aħħar elezzjoni qalu li "ma jafux" jaqblux jew le. Dan ifisser illi minkejja li kienet deċiżjoni tal-Gvern, l-appoġġ fost il-votanti Laburisti għal din id-deċiżjoni - għalkemm huwa hemm - lanqas huwa b'saħħtu, daqs kemm hija l-oppożizzjoni għaliha fost in-nazzjonalisti.  

Fost dawk li wieġbu illi fl-aħħar elezzjoni ma vvotawx - li kif nafu jlaħħqu madwar 60,000 votant - maġġoranza ta' 53.7% qalu li ma jaqblux filwaqt li 34.3% qalu li jaqblu ma' avviż legali ta' din ix-xorta fil-Belt Valletta.  

Iż-żgħażagħ aktar favur u l-anzjani l-aktar kontra 

Jekk inħarsu lejn l-etajiet insibu illi l-aktar li huma favur - u forsi din mhux daqstant sorpriża lanqas - huma ż-żgħażagħ ta' bejn is-16 u l-35 sena, fejn 31.8% qalu illi jaqblu ma' avviż legali bħal dak li jitratta l-Belt Valletta. Minkejja dan, anke fost iż-żgħażagħ hemm maġġoranza li ma jaqblux li mużika għandha tibqa' tindaqq fit-toroq sas-siegħa ta' filgħodu, hekk kif 48.9% qalu li ma jaqblux. L-aktar li huma kontra dan il-pass iżda huma dawk li għandhom 'l fuq minn 51 sena.  

Fil-fatt l-ogħla reżistenza hija fost dawk bejn 51 u 65 sena fejn 65.6% ma jaqblux, filwaqt illi huma biss 19.4% li qalu illi jaqblu ma' mużika fit-toroq sas-1:00 a.m. Fost dawk aktar minn 65 sena, dawk li ma jaqblux jonqsu minimament għal 63.5%, imma anke dawk li jaqblu ma' tali avviż legali jonqsu għal ftit inqas minn 16%. Fost dawk aktar minn 65 sena li pparteċipaw fis-sondaġġ 19.8% qalu illi ma kinux jafu jaqblux jew le.  

Meta wieħed jaqsam dawk li rrispondew ġeografikament isib li l-aktar kontra huma dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port li tinkludi wkoll il-mekka tad-divertiment (Tas Sliema, San Ġiljan, Swieqi, Birkirkara, Ħal Qormi....) u dawk li jgħixu fil-Punent tal-pajjiż (Ħal Lija, Ħal Balzan, Iklin, Ħ'Attard, ir-Rabat...). Hawnhekk 64.1% u 66.6% rispettivament wieġbu illi huma kontra avviż legali bħal dan, filwaqt li fit-Tramuntana li jinkludi mekka oħra ta' ristoranti, lukandi u barijiet - San Pawl il-Baħar - 62.4% ta' dawk li rrispondew huma kontra wkoll. Minkejja dan, fit-Tramuntana tal-pajjiż b'29.4% issib ukoll l-aktar nies li huma favur dan l-avviż legali li jitratta l-Kapitali ta' Malta, segwit mill-parteċipanti fin-nofsinhar tal-pajjiż li jinkludi lil Birżebbuġa, Marsaxlokk, Żejtun, Wied il-Għajn, iż-Żurrieq u Ħal Għaxaq, fost oħrajn (28%). 

L-irġiel huma ħafna iktar kontra dan l-avviż legali (62.5%) milli huma n-nisa (56%). 

More in Politika