Żewġ uffiċjali biss huma mqabbdin biex jissorveljaw Kemmuna kollha

Minkejja li Kemmuna jkun hemm numru kbir ta’ turisti u nies oħrajn biex igawdu l-gżira, iż-żewġ uffiċjali inkwistjoni rnexxielhom jagħtu biss multa waħda f’kemm ilhom joperaw

Skont il-Ministru Dalli, is-sorveljanza ta’ Kemmuna bdiet mill-2022 — l-istess sena meta l-Moviment Graffitti ħadu azzjona diretta f’Kemmuna
Skont il-Ministru Dalli, is-sorveljanza ta’ Kemmuna bdiet mill-2022 — l-istess sena meta l-Moviment Graffitti ħadu azzjona diretta f’Kemmuna

Jidher illi għal Kemmuna kollha hemm biss żewġ uffiċjali mqabbdin biex jissorveljaw is-sitwazzjoni u jinfurzaw il-liġi. 

Dan ifisser li dawn iż-żewġ uffiċjali huma mqabbdin biex, mhux biss jissorveljaw il-bajja Bejn il-Kmiemen (magħrufa kollokjalment bħala Blue Lagoon) li tkun mimlija għawwiema matul is-sajf, iżda wkoll biex “jagħmlu sorveljanza f’żoni oħrajn bħall-camping site u l-madwar, kif ukoll bajjiet oħra biex jaraw li jkun hemm ġeneral upkeep ambjentali”, skont il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli. 

Dil-informazzjoni ħarġet minn mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru Dalli mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Rebekah Borg. 

Fil-mistoqsija tagħha, Borg staqsiet lill-Ministru “tgħid kemm-il uffiċjal impjegat mill-kuntrattur ġie stazzjonat kuljum f’Kemmuna matul ix-xhur tas-sajf mill-2020 ’il quddiem għall-fini tal-monitoraġġ u l-infurzar tar-regolamenti relatati mar-rimi ta’ skart”. 

Il-Ministru wieġbet billi qalet li hemm żewġ uffiċjali li “huma impjegati ma’ kuntrattur privat li ntgħażel permezz ta’ tender pubbliku maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)”. 

Apparti l-irwol sorveljattiv li għandhom dawn l-uffiċjali, Dalli stqarret ukoll li dawn l-uffiċjali “għandhom ukoll rwol edukattiv u jagħmlu sforz biex jedukaw lin-nies”.

Il-monitoraġġ u infurzar tal-liġi beda biss fl-2022 

Mill-mistoqsija ħareġ ukoll li s-sorveljanza mwettqa mill-uffiċjali mqabbdin mill-ERA ilha għaddejja biss mill-2022. 

Dan minkejja li Kemmuna ilha żona popolari mat-turisti u l-għawwiema għal snin twal. 

Barra minn hekk, hemm ukoll il-fatt li, skont rapport maħruġa minn dil-gazzetta, il-gabbani li joperaw Kemmuna, li huma magħrufa li jiġġeneraw ħafna skart, ilhom jaqgħu taħt l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu mill-2015. 

Ta’ min jinnota wkoll li l-2022 hija s-sena meta l-Moviment Graffitti ħadu azzjoni diretta Kemmuna fi protesta kontra l-kummerċjalizzazzjoni tal-gżira, partikolarment il-Bajja Bejn il-Kmiemen.

Inħarġet biss multa waħda mill-2022 ’l hawn 

Minkejja li Kemmuna jkun hemm numru kbir ta’ turisti u nies oħrajn biex igawdu l-gżira, li jammontaw għal eluf ta’ persuni, iż-żewġ uffiċjali inkwistjoni rnexxielhom jagħtu biss multa waħda f’kemm ilhom joperaw, jiġifieri mill-2022 ’l hawn. 

Ta’ minn jinnota li, skont il-Ministru, biex tinħareġ multa għar-rimi ta’ skart, persuna trid tinqabad fl-att dak il-ħin stess. Fi kliem il-Ministru, “biex tinħareġ multa, persuna trid tinqabad tarmi quddiem l-uffiċjali tal-ERA.” 

More in Politika