Mużika sas-1 a.m: ‘Qed jgħidulna bil-pulit biex nitilqu ‘l hemm’ – Residenti Beltin rrabjati u l-Kunsill irid spjega

Fl-aħħar jiem ġie ppubblikat Avviż Legali biex ir-ristoranti u l-bars fil-Belt Valletta jkunu jistgħu jibqgħu bil-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu

Mużika sas-1:00 a.m wara avviż legali
Mużika sas-1:00 a.m wara avviż legali

“Lir-residenti qed jgħidulna bil-pulit biex nitilqu ‘l hemm. Il-Belt ma għadhiex tal-Beltin. Storbju sa tard bil-lejl u issa se jħalluhom idumu aktar bid-daqq.” Hekk saħaq wieħed mir-residenti Beltin li tkellmu mal-gazzetta ILLUM biex jilmentaw dwar l-istorbju eċċessiv mill-istabbilimenti tad-divertiment, ristoranti u bars u dwar l-Avviż Legali li ħareġ fl-aħħar jiem u li se jkun qed jippermetti li l-mużika fuq barra tibqa’ għaddejja sas-siegħa ta’ filgħodu.

Kif kienet il-liġi, l-istabbilimenti fil-Belt Valletta ma setgħux idoqqu mużika fuq barra wara l-11pm, iżda s-sidien kienu qed jilmentaw li dan ma jagħmilx sens u ma’ din l-istess gazzetta, ħmistax ilu, saħqu li “fl-ebda belt fid-dinja ma jwaqqfu l-mużika fil-11pm.”

L-Avviż Legali jippermetti li issa l-mużika fuq barra f’post kummerċjali tista’ tibqa’ tindaqq “f’livell moderat” anke wara l-11.00pm u tieqaf kompletament wara s-1.00am.

Dan l-Avviż Legali ma niżel xejn tajjeb mar-residenti Beltin li qed jisħqu li daħal baxx baxx mingħajr l-ebda konsultazzjoni magħhom u mingħajr ma ħa inkonsiderazzjoni d-diffikultajiet li jgħaddu minnhom.

Wieħed mir-residenti li joqgħod fi Strada Stretta, ilmenta kif l-istorbju huwa “insopportabbli” u saħansitra qal li qabel ma daħal l-Avviż Legali, il-mużika xorta waħda kienet tibqa’ tinstema’ anke jekk tindaqq fuq ġewwa biss.

“X’nagħmlu? Naqbdu l-affarijiet u nitilqu? Hekk qed jgħidulna bil-pulit,” kompla jisħaq.

Iżda dan ma kienx l-uniku resident li tkellem mal-gazzetta ILLUM. Oħrajn ilmentaw kif l-istorbju jibqa’ għaddej anke wara li tieqaf il-mużika u ilmentaw li ftit li xejn hemm kontrolli.

Residenti oħra fakkru li l-istorbju ma jiqafx malli tieqaf il-mużika. Insistew li anke meta l-mużika tieqaf fil-11pm, il-klijenti jibqgħu barra jixorbu u jgħajtu.

“Aħseb u ara jekk issa l-mużika tibqa’ għaddejja sas-siegħa,” kompla resident. “X’ħin se norqod? Jiena nqum għax-xogħol fil-5am.”

Residenta partikolari saħqet li anke meta, fost il-ġimgħa, ma jkollhomx nies jew ikollhom ftit, xorta waħda hemm barijiet li jibqgħu għaddejin bil-mużika sakemm tagħtihom il-liġi.

“Dan biex ma nsemmux il-ħmieġ mal-faċċati tad-djar,” temmet tgħid.

‘Se niktbu lill-Gvern biex l-Avviż Legali jkun aktar ċar’

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit irrikonoxxa r-rabja tar-residenti għal dan l-Avviż Legali iżda saħaq li l-Kunsill Lokali ma kellu l-ebda kontroll u ftit li xejn jista’ jagħmel meta jidħol fis-seħħ Avviż Legali.

Madanakollu insista li l-Kunsill se jkun qed jikteb lill-Gvern biex immedjatament jiċċara l-Avviż Legali speċjalment meta jitkellem fuq “mużika moderata.”

L-ILLUM staqsietu jekk il-Gvern setax ikkonsulta qabel mal-Kunsill u Zammit insista li dwar dan kien hemm laqgħa waħda biss u fiha l-Kunsill Lokali għamilha ċara li r-residenti jridu jkunu protetti u kwalunkwe mużika wara l-11pm għandha tkun biss “soft music.”

“Soft music tfisser backround music, jiġifieri mużika li tinstema biss mill-klijent li qiegħed bilqiegħda fuq il-mejda,” saħaq is-Sindku. “Se ninsistu li dan ikun iċċarat fl-Avviż Legali, anke l-fatt li wara l-11pm ma jistax ikun hemm live bands.”

Sadanittant insista li l-Kunsill Lokali se jżomm mal-pożizzjoni tiegħu u ma joħroġx permessi għal DJs fil-Belt Valletta.

“Aħna ma rridux li l-Belt issir Paceville ieħor. Irridu divertiment li jixraq lill-Belt Valletta,” kompla Zammit.

Insista wkoll li l-Kunsill Lokali se jkun iebes ma’ min jabbuża u jikser l-Avviż Legali u se jkun qed jagħmel pressjoni mal-Pulizija biex jieħdu passi kontra min jiġi jaqa’ u jqum mir-residenti.

“Se jsibuna l-ħin kollu warajhom,” temm jisħaq Zammit

'Aħna se nitolbu biex l-Avviż Legali jkun irrevokat ... Jekk il-Gvern mhux se jisma’, se nippakkjaw u nitilqu ‘l hemm'

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Minority Leader tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, l-eks Sindku Christian Micallef li akkuża lill-Gvern li qed jgħaddi romblu minn fuq il-Kunsill Lokali u staqsa jekk kinitx din l-intenzjoni tal-Partit Laburista meta ħadem biex jieħu f’idu l-Belt.

Insista li r-reazzjoni tar-residenti għal dan l-Avviż Legali kienet negattiva ħafna aktar u aktar meta l-liġi se tkun qed tippermetti li l-mużika tibqa’ għaddejja sas-siegħa ta’ filgħodu kuljum.

“In-nies iridu jqumu għax-xogħol u jridu jistrieħu. Hemm familji u anzjani jgħixu fi Strada Stretta u bnadi oħra. Il-Gvern qed jiġi jaqa’ u jqum minn dan kollu u minn kif jaħsibha l-Kunsill Lokali.”

Kien hawn li staqsa jekk kinitx din ir-raġuni għaliex il-Partit Laburista ried li jirbaħ il-Kunsill Lokali tal-Belt, jiġifieri biex ikun jista’ jagħmel li jrid, kif fi kliem Micallef, qed jagħmel fejn jidħlu l-parkeġġi riservati għall-Ministeri u anke kif għamel fil-każ tal-pjattaforma li ngħatat lil Boutique Hotel Rosselli fi Triq Merkanti.

“Issa ċar li l-wiegħda tal-PL li jwettaq bidla fil-Belt Valletta kienet fiergħa,” kompla Micallef.

Saħaq mal-gazzetta ILLUM kif talab laqgħa urġenti tal-Kunsill Lokali u se jkun qed jitlob lill-bqija tal-kunsilliera biex jitolbu flimkien lill-Gvern biex jirrevoka dan l-Avviż Legali u jiddiskuti magħhom dwar kif jista’ jinħoloq bilanċ.

“Jekk il-Gvern mhux se jisma’, se naqbdu, nippakkjaw u nitilqu ‘l hemm għax inkunu qegħdin hemm għalxejn,” kompla jinsisti.

Saħaq li jixtieq jara x’se tkun ir-reazzjoni tal-bqija tal-Kunsilliera Laburisti għax irrimarka li sal-lum ħadd minnhom ma kkummenta jew ikkundanna dan l-Avviż Legali u l-aġir tal-Gvern.

“Sa issa ħadd minnhom ma tkellem. Ma għandhomx jibżgħu jitkellmu,” insista.

Iżda l-ILLUM tfakkru li l-Belt hija l-Belt Kapitali u kull belt oħra Kapitali fl-Ewropa hija ċ-ċentru tad-divertiment.

Micallef saħaq li l-Belt Valletta ma tistax titqabbel ma’ bliet oħra Ewropej.

“Fil-Belt, iċ-ċentru residenzjali mhuwiex ‘il bogħod miċ-ċentru kummerċjali. Ma hemmx differenza. Fuq ir-ristoranti u l-bars jgħixu l-anzjani u l-familji,” kompla jisħaq.

Temm jinsisti li l-Kunsilliera Nazzjonalisti mhumiex kontra d-divertiment fil-Belt. Tenna li huma favur il-bilanċ, li fi kliemu, l-Avviż Legali kif inhu, mhuwiex qiegħed jilħaq.

“Ma jagħmilx sens li l-mużika titħalla tibqa’ għaddejja sas-siegħa ta’ filgħodu kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd.’ 

More in Politika