Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita waslet fi tmiemha, iżda dan ma jfissirx li l-proċess konsultattiv intemm ukoll. Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, ikkonfermat li l-fażi li jmiss tinkludi evalwazzjoni bir-reqqa tas-sottomissjonijiet kollha li waslu waqt dan il-proċess li dam għaddej għal tmien ġimgħat.
F’kummenti li tat wara t-tmiem tal-konsultazzjoni, Buttigieg esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-pubbliku, l-għaqdiet u l-persuni individwali li taw il-kontribut tagħhom f’dan id-dibattitu delikat u emozzjonali. Hija rringrazzjat lil dawk li attendew il-laqgħat fil-komunità u li qasmu l-esperjenzi personali tagħhom, li kienu kruċjali biex jinfetaħ dibattitu nazzjonali fuq suġġett li ilu għal ħafna żmien taħt kwiet.
“Wara li smajna lil kulħadd bi qlub u mħuħ miftuħa, issa se nibdew l-istadju ta’ evalwazzjoni tal-eluf ta’ sottomissjonijiet li saru fuq il-mertu tagħhom,” qalet Buttigieg. Hija żiedet tgħid li diversi sottomissjonijiet qajmu punti tekniċi importanti li jeħtieġu riflessjoni serja, sabiex jiġu rfinuti l-proposti inizjali li ġew inklużi fid-dokument ta’ konsultazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari esprimiet sodisfazzjon li din il-konsultazzjoni ġabet ammont rekord ta’ sottomissjonijiet, li juri kemm is-suġġett huwa wieħed li jqanqal interess u impenn mill-poplu Malti. “Dan kien eżerċizzju li jsaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva,” saħqet Buttigieg, waqt li enfasizzat li l-Gvern offra informazzjoni fattwali u ħalla spazju miftuħ għad-dibattitu, minkejja li f’ċerti mumenti deher li kien hemm ukoll informazzjoni mhux korretta li nxterdet minn ċerti sorsi.
Dwar dak li ġej, Buttigieg qalet li l-pass li jmiss għadu mhux deċiż, peress li l-awtoritajiet se janalizzaw mhux biss is-sottomissjonijiet li ġew ippreżentati, iżda wkoll l-esiti tal-laqgħat mal-imsieħba soċjali li diġà saru, kif ukoll dawk li għadhom skedati fil-ġimgħat li ġejjin. Dan kollu se jsir qabel ma l-Gvern jagħmel pass lejn l-istadju leġiżlattiv.