Minkejja l-oppożizzjoni jiżdiedu aktar toroq fil-Belt Valletta fejn il-mużika tista' tibqa' sas-1am

L-Avviż Legali li estenda l-mużika fuq barra mill-11pm sas-siegħa ta' filgħodu qajjem rabja kbira fost ir-residenti Beltin

Minkejja r-rabja tar-residenti Beltin għall-Avviż Legali li estenda l-mużika mill-istabbilimenti mill-11pm sas-siegħa ta' filgħodu, il-Gvern kompla jestendi l-istess Avviż Legali biex issa jinkludi wkoll Triq l-Arċisqof u Triq Sant'Ursola.

Fl-Avviż Legali oriġinali, li ħareġ il-ġimgħa li għaddiet, kienu nklużi Triq Merkanti, Triq l-Ifran, Triq it-Teatru l-Antik, Triq ir-Repubblika, Triq Nofsinhar, Triq Santa Luċija u Strada Stretta. 

Issa, f'Avviż Legali ġdid, ma' dawn żdiedu Triq l-Arċisqof u Triq Sant'Ursola, żewġ toroq li fihom jgħixu diversi residenti.

Qabel ħareġ dan l-Avviż Legali, il-mużika mill-istabbilimenti fuq barra, setgħet tindaqq biss sal-11pm. Madanakollu issa ġiet estiża sas-1am, anke jekk il-liġi tgħid li trid tinżamm f'livell "moderat."

Is-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit, qal mal-ILLUM li se jkun qed jitlob lill-Gvern biex jiċċara dan l-Avviż Legali, jgħid xi jfisser livell moderat u anke biex ikun jgħodd biss mill-Ġimgħa għall-Ħadd.

Insista li l-Kunsill Lokali ma kellux kontroll fuq id-dħul ta' dan l-Avviż Legali mill-Gvern iżda se jkun qed jinsisti li l-istabbilimenti jimxi mal-liġi u se jkun iebes ma' min "iqażżiżha."

Qal li dan l-Avviż Legali jikkonferma kemm il-Belt Valletta hija meqjusa importanti għas-settur tat-Turiżmu u għalhekk appella lill-Gvern biex jikkunsidra li jagħti aktar fondi lil dan il-Kunsill Lokali biex ikun jista' jinvesti aktar fiż-żoni residenzjali Beltin.

Il-Minority Leader, Christian Micallef, qed jitlob li dan l-Avviż Legali jkun revokat kompletament.

Intant, dalgħodu saret protesta minn grupp żgħir ta' residenti li ħabbru wkoll li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fl-2024.

More in Politika