Il-Kunsill preżenti tal-Mosta qed jaffaċċja sitwazzjoni finanzjarja kritika li wasslet biex diversi kuntratturi jwaqqfu xogħlijiet minħabba ħlasijiet pendenti għal xogħol li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Skont sors qrib il-Kunsill, “sibna Kunsill li jaffaċċja miljuni f’dejn, pagamenti bla trasparenza, u kuntratti diretti li ġew imħaddma barra kull forma ta’ proċedura normali.”
Il-fajls interni juru serje ta’ xogħlijiet addizzjonali li ġew ordnati barra l-kuntratt inizjali mingħajr dokumentazzjoni li turi kif ġew approvati. Dawn jinkludu spejjeż mhux mistennija għal xogħlijiet madwar il-lokal, inkluż xogħlijiet fuq siġar, pavimentar, u manutenzjoni oħra — kollha ffinanzjati barra l-baġit u mingħajr sejħa pubblika għal offerti.
Jidher li s-sitwazzjoni mhijiex biss waħda ta’ nuqqas ta’ flus, imma wkoll ta’ għażliet amministrattivi deliberati biex jiġi evitat l-iskrutinju pubbliku. Din l-istqarrija tkompli tagħti piż lill-akkużi li l-eks amministrazzjoni operat barra l-limiti tad-dmir pubbliku.
Il-mistoqsija li qed tqum issa hija waħda ċara: min se jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dan id-dejn?
“Il-mod kif kien jaħdem l-eks sindku kien wieħed intenzjonat biex jevita l-proċedura. Kien jagħti direct orders lill-kuntrattur li diġà kellu ftehim mal-Kunsill, u dan imbagħad jagħmel subcontracting lil min kien jgħidlu hu. Din hija skema li setgħet faċilment tinħeba taħt il-kappa ta’ ‘kontinwità amministrattiva’, imma fil-fatt ħolqot kaos finanzjarju li issa qed iħallas għalih il-Kunsill preżenti.”
Mill-informazzjoni li ksibna, jidher li, diversi drabi, il-kuntrattur li ġie mogħti direct orders issa huwa taħt pressjoni kbira minħabba l-fatt li tal-VAT qed jiġru warajh u hemm ukoll fatturi oħra mhux rikonoxxuti. Dawn il-kuntratturi, skont is-sors, issa “qegħdin jiġru wara l-Kunsill għall-flus li kienu ġew imwiegħda taħt amministrazzjoni preċedenti — flus li l-Kunsill ma jistax iħallas għax m’għandux minn fejn.”
L-amministrazzjoni attwali, immexxija minn sindku ġdid, ħadet direzzjoni differenti u bdiet topera b’mod trasparenti. “Qed noħorġu sejħiet għall-offerti għal kull xogħol — issa kollox bil-proċedura. Imma l-problema hi li d-dejn li sibna jżommna lura. M’hemmx minn fejn inħallsu x-xogħol l-antik, u l-kuntratturi qegħdin jitilfu l-fiduċja.”
Il-fajl Excel li rat din il-gazzetta juri elenku dettaljat ta’ xogħlijiet addizzjonali magħmula mingħajr approvazzjoni baġitarja, b’valuri li jammontaw għal eluf kbar — xi wħud b’nota li jindikaw li saru verbalment u mhux b’kuntratt bil-miktub.