ARA|‘Qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna’ – Abela jiddefendi lil Johann Buttigieg minkejja t-talbiet għar-riżenja
Il-Prim Ministru jgħid li l-Kap Eżekuttiv tal-PA qed jagħmel “xogħol tajjeb ħafna” u jfakkar li kien jaf bil-messaġġi ma’ Yorgen Fenech meta reġa’ ħatru fl-2025.
Il-Prim Ministru Robert Abela reġa’ ddefenda lill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, minkejja pressjoni dejjem tikber biex dan jirriżenja wara l-pubblikazzjoni ta’ messaġġi li kien skambja ma’ Yorgen Fenech.
Buttigieg spiċċa taħt kritika qawwija wara li fil-konversazzjonijiet li ħarġu fid-dawl kien qal lil Fenech li setgħu “jagħmlu negozju” flimkien. Diversi għaqdiet u attivisti sejħu għat-tneħħija tiegħu mill-kariga.
Mistoqsi dwar il-każ nhar it-Tnejn, Abela qal li l-messaġġi ilhom fil-pubbliku u kkonferma li kien konxju tagħhom meta fl-2025 iddeċieda li jerġa’ jqiegħed lil Buttigieg fit-tmexxija tal-PA.
Skont il-Prim Ministru, dawn kienu fost il-fatturi li qies meta ħa d-deċiżjoni dwar il-ħatra.
Abela qal li kien jifhem aktar protesti kontra l-ħatra meta din saret sentejn ilu, iżda tenna li għandu fiduċja fil-ħidma ta’ Buttigieg.
“Għandi fiduċja fir-rwol tiegħu fil-PA, qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna,” qal il-Prim Ministru.
Meta ġie mistoqsi jekk jafdax lil Buttigieg biex fil-futur ma jerġax ikollu relazzjoni daqstant familjari ma’ interessi kummerċjali, Abela ma weġibx direttament u minflok irrefera għall-ispjegazzjonijiet li diġà ta Buttigieg innifsu.
Buttigieg kien qal li, b’ħarsa lura, ma kienx jerġa’ juża l-istess kliem ma’ żviluppaturi jew negozjanti.
Il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll dwar l-involviment ta’ Buttigieg f’kumpanija ta’ konsulenza fl-ippjanar u l-arkitettura.
Abela ċaħad li dan kien jikkostitwixxi kunflitt ta’ interess u qal li tender sostanzjali tal-Gvern mogħti lill-kumpanija kien ingħata fi żmien meta Buttigieg ma kienx għadu fit-tmexxija tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-kritika fil-konfront ta’ Buttigieg żdiedet fl-aħħar ġimgħat, b’għaqdiet ambjentali, ta’ residenti u taż-żgħażagħ fost dawk li talbu lill-Gvern ineħħih mill-kariga.
Jaelle Borg hija studenta tat-tielet sena fil-Kriminoloġija u ġurnalista ma' din il-gazz...