Turiżmu esaġerat hu wieħed mill-problemi prinċipali - ADPD

L-ADPD jappella sabiex ma joħorġux permessi sabiex appartamenti jintużaw għal kirjiet għal perjodi qosra qabel il-Kunsill Lokali kkonċernat jaqbel

Ralph Cassar (xellug) u Carmel Cacopardo (lemin) (Ritratt: ADPD)
Ralph Cassar (xellug) u Carmel Cacopardo (lemin) (Ritratt: ADPD)

Kelliema tal-ADPD Ralph Cassar u Carmel Cacopardo qalu li t-turiżmu esaġerat qed ikun ta' piż fuq l-infrastruttura, servizzi lokali u l-kwalita' tal-ħajja tar-residenti, waqt konferenza stampa s-Sibt filgħodu.

"Il-Gvern u l-partiti fil-Parlament ma jridux jaqbdu l-barri minn qrunu," qalu l-membri tal-partit. Huma elaboraw fuq kif it-turiżmu esaġerat qed jintuża bħala ġustifikazzjoni tal-art u għal paggi baxxi għall-ħaddiema fil-qasam tat-turiżmu. Minflok il-gvern jiffaċċja dan il-problema, qed jiftaħar u jgħid li sal-2035 Malta ħa tilqa 4.5 miljun turist fis-sena meta din is-sena kien hawn kważi 4 miljun turist, skont pubblikazzjonijiet tal-NSO.

”Diversi lokalitajiet huma prattikament sit ta’ kostruzzjoni kontinwa. Binjiet ta’ żewġ sulari li nbnew bejn 40 u 50 sena ilu qed
itwaqqgħu biex flokhom jitilgħu blokki ta’ appartamenti u flok unit residenzjali wieħed jinħolqu pluralità ta’ units residenzjali," qal id-Deputat Chairperson tal-partit Carmel Cacopardo.

Huwa spjega kif dawn l-appartamenti qed jinkrew għal perjodu qasir f'ċertu ċentri turistiċi li qed titrasforma dawn il-lokalitajiet riżultat ta' ħsara li qed issir lill-infrastruttura u l-effiċjenza tas-servizzi offruti mill-Kunsilli Lokali. Cacopardo qal li dan il-"fenomenu" tal-kirjiet għal perjodu qasir qed joħloq problemi kbar, hekk kif mhuwiex kompatibbli maż-żoni residenzjali.

Cacopardo enfassiza li m'għandhomx joħorġu permessi sabiex appartamenti jintużaw għal kirjiet għal perjodi qosra qabel il-Kunsill Lokali kkonċernat jaqbel. Dan hekk kif il-Kunsilli flimkien mar-residenti jafu fejn l-aħjar jitħarġu dawn il-permessi bl-inqas problemi possibbli.

"Bil-firxa tat-turiżmu b’ritmu mgħaġġel u bla kontroll fl-oqsma residenzjali l-politika ekonomika qiegħda taħleb l-ispekulazzjoni tal-art biex tkabbar l-istatistika turistika. Tajjeb iżda li nirrealizzaw mhux biss illi diġa hawn sodod turistiċi għal madwar 5 miljun turist fis-sena, imma fuq kollox li dan mhux qed joħloq impiegi għall-Maltin fl-industrija turistika," qal is-Segretarju Ġenerali, Ralph Cassar.

Dawn iċ-ċifri ħadhom mir-rapport tal-MHRA li ħareġ madwar tliet snin ilu. Skontu, Dawn in-numri huma riżultat ta' industrija li tħalliet tikber bla regolazzjoni u b'awtoritajiet inattivi.

L-appartamenti li qed jintużaw għal skopijiet turistiċi bla registrazzjoni mal-Awtorita' tat-Turiżmu qed iwasslu għall-abbużi f'dan il-qasam u wkoll jimbuttaw lir-residenti miż-żona residenzjali.

"Hemm bżonn urġenti li nsostnu lill-Kunsilli Lokali fl-isforz biex inħarsu u niddefendu l-identità tal-lokalitajiet tagħna. Il-gvern jista’ jibda billi jgħaddi t-taxxa fuq is-sodod turistiċi direttament lill-Kunsilli Lokali, minflok essenzjalment ma jtiha lura lis-settur stess. Barra minn hekk għandu jneħħi l-capping redikolu ta’ €5, u jikkunsidra jżid r-rata wkoll redikola ta’ 50 ċenteżmu kuljum għal rata li tagħmel sens u bbażata fuq l-impatti tat-turizmu fuq il-lokalitajiet tagħna," jikkonkludi Cassar.

More in Politika