Grupp żgħir ta' residenti Beltin jipprotestaw u jħabbru li se joħorġu għall-Kunsill Lokali

Is-Sindku tal-Belt Valletta jirreaġixxi minnufih mas-sit illum.com.mt u jisħaq li se jkun qed jitlob lill-Gvern biex l-Avviż Legali jkun emendat u jinkludi biss il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd

Billi Mc Bee
Billi Mc Bee

Grupp ta' inqas minn għaxar residenti dalgħodu nġabru quddiem il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għal protesta kontra l-Avviż Legali li daħal fis-seħħ u li estenda l-mużika fil-Belt Valletta mill-istabbilimenti mill-11pm sas-siegħa ta' filgħodu.

L-istess grupp ta' residenti żvelaw mas-sit illum.com.mt li se jkunu qed joħorġu għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali li se ssir fl-2024.

Ilbieraħ, il-gazzetta ILLUM irrapportat bi prominenza l-aħbar dwar dan l-Avviż Legali u anke r-reazzjoni negattiva tar-residenti li wħud minnhom illum inġabru biex jipprotestaw kontra dan l-Avviż Legali.

Anke jekk kienu ftit dawk ir-residenti li telgħu għal din il-protesta li dwarha ftit li xejn sar reklamar, is-sit illum.com.mt ħa l-kumment tal-organizzatur Billy Mc Bee u staqsietu minnufih jekk hux minnu li qed jikkunsidraw li joħorġu għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Mc Bee kkonferma li sa issa hemm erba' residenti li beħsiebhom jikkontestaw f'isem il-grupp Residenti Beltin li fuq Facebook għandhom ukoll paġna.

Dwar il-protesta, is-sit illum.com.mt fakkar lil Mc Bee li l-Kunsill Lokali ma kellux kontroll fuq il-ħruġ ta' dan l-Avviż Legali, għax anke s-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit qal li dwar id-deċiżjoni, kien hemm biss laqgħa waħda.

Ir-residenti li telgħu jipprotestaw
Ir-residenti li telgħu jipprotestaw

Madanakollu, Mc Bee insista li apparti dan l-Avviż Legali, il-Kunsill qed ikun assenti fuq ħafna kwitjonijiet, inkluż dak tal-parkeġġ. Qal li anke dwar il-pjattaforma kontroversjali li tpoġġiet quddiem il-Boutique Hotel Rosselli, ir-residenti saru jafu biha qabel il-Kunsill.

Is-sit illum.com.mt tkellem ukoll ma' Charlie Bone, resident iżda anke sid ta' ristorant fil-Belt. Staqsih għaliex qed jipprotesta, ġaladarba dan l-Avviż Legali huwa intiż biex iżid il-kummerċ għar-ristoranti u l-barijiet.

Bone insista li jieħu gost jara lill-Belt ħajja iżda insista li hemm bilanċ li jrid jintlaħaq. Huwa kkritika lill-Kunsill Lokali li mhux isemma biżżejjed leħen ir-residenti fuq kwistjonijiet varji. Fi kliemu, il-Belt ma għadhiex tal-Beltin u ħafna Beltin qed ikunu kostretti jitilqu minn djarhom.

'Tkellimt mar-residenti u se nitolbu li l-Avviż Legali jkun jgħodd biss għall-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd'

Intant, immedjatament wara l-protesta, dan is-sit, talab laqgħa mas-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit li kien preżenti fil-Kunsill Lokali waqt il-protesta. Zammit tenna li l-Kunsill Lokali se jkun qed jikteb lill-Gvern biex jiċċara dan l-Avviż Legali, biex fejn hemm imniżżel "mużika moderata" bejn il-11pm u s-1am, jinbidel u jispjega li l-mużika trid tkun 'soft' mhux live jew amplifikata u li tinstema' biss mill-klijenti.

Qal ukoll li tkellem mar-residenti dwar dan l-Avviż Legali u wara r-rispons se jkun qed jikteb lill-Gvern ukoll biex il-mużika wara l-11pm (fuq barra) titħalla biss il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd.

Insista li fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill se jkun qed jitlob li l-Kunsill Lokali kollu jingħaqad fuq din il-kwistjoni u l-kunsilliera jiktbu flimkien lill-Gvern.

Mistoqsi dwar il-protesta, Zammit ikkritika l-fatt li din saret minn persuni li beħsiebhom jikkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.

Dwar il-kritika li l-Kunsill Lokali mhu jagħmel xejn, Zammit insista li hu wiret Kunsill Lokali b'€600,000 dejn, liema dejn illum naqas għal €150,000 mingħajr ma tnaqqsu s-servizzi offruti lir-residenti.

"Jiena ma nieħu l-ebda paga mill-Gvern ħlief dik ta' Sindku. Jiena ma naħdimx f'xi ministeru u għalhekk ma għandi obbligazzjoni lejn ħadd ħlief lejn ir-residenti li għażluni bħala s-Sindku tagħhom," kompla Zammit.

Il-Kunsill tal-Belt għandu jingħata aktar fondi...

Qal li dan l-Avviż Legali jikkonferma kemm il-Belt Valletta hija meqjusa importanti għas-settur tat-Turiżmu u għalhekk appella lill-Gvern biex jikkunsidra li jagħti aktar fondi lil dan il-Kunsill Lokali biex ikun jista' jinvesti aktar fiż-żoni residenzjali Beltin.

Mistoqsi jekk l-istabbilimenti kkoperawx fl-aħħar jiem u jekk kienx hemm min baqa' bil-mużika amplifikata wara l-11pm, is-Sindku qal li kien hemm min obda iżda kien hemm min le.

"Iddardrux l-ilma li rridu nixorbu minnu," kompla s-Sindku. "Se ssibuna warajkom. Ħadd mhu se jitħalla jikser il-liġi."

Dwar il-kritika li ssirlu, għax anke hu huwa sid ta' ristoranti fil-Belt, is-Sindku saħaq li r-ristoranti tiegħu fetaħhom qabel sar Sindku.

Insista li ma hemm l-ebda kunflitt ta' interess anke għax ir-ristoranti tiegħu ma jinkludux mużika fuq barra, inkluż il-bar ġdid li se jkun qed jiftaħ fil-ġimgħat li ġejjin.

More in Politika