PN jipprojbixxi lill-kandidati milli jistiednu ġurnalisti tal-ONE

Il-kandidati għat-tmexxija tal-PN ġew imwissija sabiex jevvitaw jikkritikaw lil xulxin personalment meta jwieġbu "mistoqsijiet provokattivi" • Il-Partit Laburista jgħid li din is-sitwazzjoni "ironika"

Alex Borg (xellug) u Adrian Delia (lemin)
Alex Borg (xellug) u Adrian Delia (lemin)

Alex Borg u Adrian Delia ma jistgħux jistiednu ġurnalisti assoċjati mal-midja tal-Partit Laburisti fl-avvenimenti tagħhom, skont l-aħħar deċiżjoni tal-kummissjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-kwistjoni bdiet wara li t-tim tal-kampanja ta' Delia pprova jgħawweġ dawn ir-regoli imposti fuq iż-żewġ kandidati billi jattendi intervisti fuq l-istazzjoni ONE TV.

L-istess tim tal-kampanja ta' Delia stieden ġurnalist tal-ONE sabiex jistaqsih xi mistoqsijiet flimkien ma' ġurnalisti oħra f'avveniment li organizza hu. Il-kandidat għat-tmexxija tal-PN tkellem mal-gazzetta oħt, MaltaToday, nhar il-Ġimgħa fuq il-kjarifikazzjonijiet mistennija mill-uffiċju elettorali tal-PN u kif l-invit jiġi revokat.

FL-aħħar kommunikazzjoni li ħarġet mingħand il-kap kummissarju elettorali tal-PN Mario Callus, il-kummissjoni fakret lil kandidati li kull invit lill-midja trid tiġi approvata mill-kummissjoni. Żieded tgħid li meta jkun hemm "mistoqsijiet provokattivi," il-kandidati għandhom jevvitaw risposti li jwasslu għal "insulti jew tgħajjir" lejn il-kontestant l-ieħor.

"B'mod partikolari li tkun kritika personali u/jew kontroversja li tista' tohloq firda fil-Partit Nazzjonalista," tenfasizza d-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni tgħalaq billi tgħid "L-ispirtu ta' dawn ir-regolamenti huwa biex kemm jista' jkun ma jithalla jigri xejn matul
il-kampanja, li johloq firda u dizgwid bejn in-Nazzjonalisti f'mument daqshekk delikat."

Il-Kummissjoni tisħaq li l-kandidati m'għandhomx jgħatu intervisti jew inviti lil ġurnalisti affiljati mal-midja tal-PL.

Il-Kummissjoni elettorali tal-PN kienet ippubblikat ir-regolamenti fil-bidu tal-kampanja li pprojbixxew lill-kandidati milli jiddibattu kontra xulxin, jisfurzawhom jitolbu approvazzjoni qabel kull intervista jew dehra fuq il-midja, kif ukoll illimitaw dehri fuq it-televiżżjoni għal fuq l-istazzjoni NET TV biss. Il-kandidati anqas setgħu jirrefferu għal xulxin.

Ir-regoli kienu kkritikati minn bosta, fosthom l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin bħala restrittivi, hekk kif ippruvaw jimponu x'tip ta' domandi jistgħu jistaqsu l-ġurnalisti stess.

Il-Partit Laburista ħareġ stqarrija nhar is-Sibt filgħodu fejn qal li hi "ironika" li Adrian Delia u Alex Borg iridu l-poplu jafdahom imma l-partit stess ma jafdahomx jiddibattu ma' xulxin.

Borg u Delia għaddejjin minn proċess ta' due diligence, fejn wara li jgħaddu jkunu jistgħu jitqisu bħala kandidati uffiċjalment.

It-tesseri tal-partit huma dawk li jivvutaw għall-Kap il-ġdid tal-PN.

More in Politika