‘L-Avviż Legali huwa oxxen u daqqa ta' ħarta f'wiċċ ir-residenti’ – Beltin jipprotestaw
Grupp ta' residenti Beltin ingħaqdu fi protesta quddiem il-binja tal-Kunsill Lokali qabel laqgħa tal-istess Kunsill dwar l-Avviż Legali li estenda l-mużika fil-Belt Valletta sas-1am

minn Yendrick Cioffi

Grupp ta' residenti Beltin inġabru quddiem il-binja tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex jipprotestaw kontra l-Avviż Legali kontroversjali li estenda l-mużika mill-istabbilimenti fil-Belt mill-11pm sas-siegħa ta' filgħodu.
Ir-residenti nġabru għall-protesta hekk kif illum il-Kunsill Lokali qed jiltaqa’ biex jiddiskuti dan l-Avviż Legali. Il-Kunsilliera Nazzjonalisti għamluha ċara li huma kontra dan l-Avviż Legali, iżda dawk tal-Partit Laburista naqsu milli jieħdu pożizzjoni ċara anke meta kkuntatjati mill-gazzetta ILLUM.
Il-protesta kienet organizzata mill-Valletta Residents Revival Group (VRR), grupp fuq Facebook li jgħodd mas-600 membru, kollha residenti fil-Belt Valletta u li qed jiddeskrivu dan l-Avviż Legali bħala oxxenità.
“Il-VRR iħoss li dan l-Avviż Legali, miktub u ppreżentat lill-Parlament mingħajr l-ebda konsultazzjoni magħna r-residenti, huwa affront – mhux biss lejna li ilna snin sħaħ nissapportu d-degradazzjoni tal-Belt Valletta bħala belt abitabbli, iżda wkoll daqqa ta’ ħarta f’wiċċ dawk kollha li għal tant snin ilhom jistinkaw u jaħdmu sabiex il-Belt issir destinazzjoni ta’ divertiment superjuri f’Malta,” saħaq il-grupp.
Il-position paper li tqassmet lill-midja preżenti tgħid li l-liġi tmur kontra kull prinċipju ta’ għixien, kif ukoll kontra l-linji gwida Ewropej dwar l-istorbju bil-lejl pubblikati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
Ir-residenti qalu li l-Avviż Legali jikkonferma “nuqqas ta’ viżjoni u strateġija minn dawk li xogħolhom suppost huwa propju, li jiżguraw li din id-degradazzjoni tal-Belt ma sseħħx, speċjalment wara tant u tant ħidma u investiment biex il-Belt tkun destinazzjoni turistika ta’ livell għoli.”


Ilmentaw li mhumiex qed ikunu kkonsultati dwar l-affarijiet li jolqtuhom direttament. Għamluha ċara wkoll li huma mhux kontra n-negozju jew l-attività kummerċjali li huma importanti biex il-Belt ħadet il-ħajja.
“Nagħrfu l-investiment li ħafna negozji komplew iwettqu matul dawn l-aħħar snin, liema investiment qed ikompli jagħmel lill-Belt Valletta ċentru ta’ attività u divertiment. Sodisfatti li wara l-pandemija, il-Maltin u t-turisti qed jerġgħu jibdew ifittxu lill-Belt Valletta u dan qed jgħin sabiex il-ħwienet u r-ristoranti qed jerġgħu iqumu fuq saqajhom,” qalu r-residenti. “Dak li aħna kontra huwa n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ħtiġijiet tan-negozji u l-komunità tar-residenti.”
Saħqu li huma kontra wkoll il-fatt li l-politiċi jkellmuhom għall-vot u xejn aktar.
Għalhekk, l-appell tar-residenti huwa li jkun hemm konsultazzjoni magħhom u li jkunu meqjusa bħala stakeholders, l-istess kif ikunu meqjusa stakeholders dawk li għandhom negozju fil-Belt.
“Il-VRR Group qed tgħajjat ukoll lill-Kunsill Lokali immexxi minn min dejjem mimli entużjażmu biex iservi l-interessi partiġġjani tiegħu minflok l-interessi tar-residenti tal-Belt Valletta. Infakkru li l-Kunsill suppost qed jirrappreżenta lilna r-residenti u mhux lill-Gvern,” tkompli l-position paper.
Qalu li huma lesti li jiltaqgħu u jitkellmu mal-istakeholders kollha, anke mal-komunità tan-negozju biex tinstab soluzzjoni “bilanċjata u ġusta.”
“Il-VRR Group qed jistenna lill-Kunsill Lokali jagħmel xogħolu u jurina kemm hu kapaċi jirrapreżentaw lir-residenti billi jitlob sabiex l-Avviż Legali jkun irtirat sakemm verament iseħħu d-diskussjonijiet kollha li hemm bżonn mal-istakeholders kollha inkluż aħna r-residenti. Ċerti li madwar mejda, jista’ jintlaħaq consensus bejn kulħadd,” temmet tgħid il-position paper.
X’ġara fl-aħħar jiem?
Il-gazzetta ILLUM u s-sit tagħha, ilhom isegwu din il-kwistjoni mill-bidu nett u lbieraħ saħanistra staqsejna lill-Prim Ministru Robert Abela x’jaħseb dwar dan l-Avviż Legali u jekk setax jinħoloq aktar bilanċ.
Il-Prim Ministru wieġeb li l-Avviż Legali diġà jilħaq il-bilanċ mitlub għax wara l-11pm il-mużika trid tinżamm biss f’livell moderat, anke jekk ħadd, lanqas hu, mhu jispeċifika xi jfisser livell moderat.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Belti, Alfred Zammit, qal ma’ dan is-sit li l-Kunsill Lokali se jkun qed jitlob biex l-Avviż Legali jkun jgħodd biss mill-Ġimgħa sal-Ħadd u biex ikun iċċarat li mużika f’livell moderat tfisser “backround music” li tinstema’ biss mill-klijenti li jkunu madwar l-imwejjed.
Aqra wkoll:
- Mużika sas-1 a.m: ‘Qed jgħidulna bil-pulit biex nitilqu ‘l hemm’ – Residenti Beltin rrabjati u l-Kunsill irid spjega
- Grupp żgħir ta' residenti Beltin jipprotestaw u jħabbru li se joħorġu għall-Kunsill Lokali
- Minkejja l-oppożizzjoni jiżdiedu aktar toroq fil-Belt Valletta fejn il-mużika tista' tibqa' sas-1am
- Residenti jiktbu lid-Deputati tal-Ewwel Distrett biex jopponu l-Avviż Legali dwar il-mużika fil-Belt




