'Il-bilanċ diġà ntlaħaq’ - Il-PM mhux se jiċċaqlaq dwar il-mużika fil-Belt

Il-PM Robert Abela mistoqsi mil-illum.com.mt dwar l-Avviż Legali li jitratta l-mużika fuq barra, fil-Belt Valletta...

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tas-sit illum.com.mt il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-bilanċ u l-moderazzjoni fir-rigward tal-Avviż Legali li jitratta l-mużika fil-Belt Valletta "diġà ntlaħaq."

Huwa fakkar li l-avviż Legali innifsu jitkellem dwar żewġ livelli ta’ mużika, b'dak ta' wara l-11:00 p.m ikun "ta' livell moderat." 

Madanakollu, magħfus biex jgħid x'jiġifieri livell moderat, il-PM wieġeb "mhux eċċessiv."

Il-gazzetta ILLUM u dan is-sit ilhom isegwu din il-kwistjoni, minn meta r-residenti oġġezzjonaw għall-Avviż Legali li se jfisser illi l-mużika fuq barra se titħalla tindaqq sas-1:00 a.m kuljum. Il-Ħadd li għadda l-gazzetta irrappurtat kif il-Partit Laburista - f'isem id-Deputati Laburisti tal-ewwel distrett - esprima qbil ma' dan l-avvż legali. 

Mistoqsi mill-ġdid mill-illum.com.mt għaliex il-Partit Laburista ma ħalliex lid-Deputati tiegħu stess jesprimu l-opinjoni tagħhom, il-Prim Ministru sostna illi l-opinjoni tad-Deputati "hija dik tal-Kabinett. L-Avviż ġie diskuss u approvat." 

Abela fakkar ukoll li l-avviż legali se jkun diskuss fil-Parlament fejn kulħadd se jkun jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu.

Abela kompla jgħid li fl-aħħar tmiem il-ġimgħa l-mużika ma kinitx f'livell eċċessiv u qal illi fejn din se tkun, il-Gvern se jinsisti li l-Pulizija jieħdu l-passi neċessarji, "għax ir-residenti għandhom dritt għall-mistrieħ." 

Huwa temm ifakkar li fil-Belt Valletta qed idoqqu ħafna artisti "li ilhom sentejn fuq is-Suppliment tal-Paga biss." 

Aqra aktar hawn:

More in Politika