Aktar kmieni din il-ġimgħa ħareġ ir-rapport tal-Kummisjoni Ewropea dwar l-istat tas-saltna tad-dritt fuq kull pajjiż tal-UE, inkluż Malta. L-għaqda Repubblika qalet li dan jagħti stampa ċara ta' kif ma sar "ebda progress veru fil-qasam tas-saltna tad-dritt", filwaqt li l-Ministeru għall-Ġustizzja qal li r-rapport qed jikkonferma t-"titjib sinifankti" f'dan il-qasam.
L-istqarrija li ħarġet mingħand il-ministeru tiffokka fuq il-kliem tal-Kummissjoni rigward il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura f'Malta u kif baqgħet għolja matul is-snin. L-istess stqarrija titkellem ukoll fuq ir-rikonoxximent li r-rapport ta lill-Gvern fuq l-isforzi sabiex jinvolvi lill-Ġudikatura fil-ħatra tal-Prim Imħallef u t-titjieb fl-effiċjenza bir-riforma kostituzzjonali kontroversjali li ġiet diskussa fil-parlament.
Repubblika għandha opinjoni differenti fuq din ir-riforma li m'għaddietx mill-parlament, fejn r-responsabbilta' tal-gvern li jikkonsulta u jilħaq konsensus ma ntlaħħaqx. Rigward it-titjieb fl-effiċjenza, Repubblika nnutat li dan il-progress kellu jiġi minn proposit legiżlattivi li għadhom biss teorija, filwaqt li n-numri juru l-kawżi fil-qrati Maltin qed idumu aktar, speċjalment każijiet kriminali u amministrattivi.
Il-ministeru jsemmi it-titjieb il-kapaċita' tal-awtoritajiet investigattivi u tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ żieda fir-riżorsi umani u l-iżvilupp ta’ għodod ġodda li wassal għan-numru ta' prosekuzzjonijiet imnedija biex jiżdied b'481 f'temm t'erba' snin. Fost kisbiet oħra rikonoxxuti fir-rapport hemm ukoll l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Frodi u l-Korruzzjoni.
Il-Kummissjoni wkoll laqgħet il-preparazzjoni kontinwa ta' Malta fuq liġi relata mal-montioraġġ tal-entitajiet fil-qasam tal-midja u l-allokazzjoni tar-reklamar mill-Istat, riformi li jibnu fuq id-deċiżjoni li ħadet Malta meta ttrasponiet d-Direttiva kontra l-SLAPP fil-liġi nazzjonali.
L-istess rapport jinnota wkoll li l-proposti li saru mill-inkjesta ta' Daphne Caruana Galizia sabiex tissaħaħ il-ġlieda kontra l-korruzjoni u proposti biex titjieb l-integrita' fil-politika għadhom ma seħħux u li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni hi inutli. Dan kollu waqt li l-gvern għadu ma ppubblikax d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri.
"Sadattant ir-rapport sab li ma sar ebda progress biex il-ġurnaliżmu f'Malta jkun ħieles u protett, ebda progress biex ix-xandir pubbliku jkun indipendenti, ebda progress biex titwaqqaf istituzzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u ebda progress biex tinħoloq struttura fil-liġi għall-konsultazzjoni pubblika," stqarret Repubblika.
L-għaqda tagħmel punt fuq "l-ironija" ta' kull sena fejn il-gvern iwiegħed lill-Kummissjoni li se jagħmel ir-riformi f'Ġunju sabiex ikun tard wisq sabiex din tkun tista tivverifika jekk dawn sarux qabel ir-rapport jiġi approvat għall-pubblikazzjoni.
Repubblika tagħmel referenza għall-miżura li ħa l-gvern fejn iċ-ċittadin m'għandux id-dritt li jitlob għall-inkjesta maġisterjali, speċjalment f'każijiet ta' korruzzjoni u tgħid li huwa ta' diżappunt li l-Kummissjoni ma ħaditx din il-liġi bis-serjeta.