Il-Prim Ministru Robert Abela dar mal-lewża meta mistoqsi fuq is-sanzjonar taż-żoo u l-parks ekwestri tal-MonteKristo ta’ 45,000 metru kwadru, mibnijin illegalment minn Charles Polidano, bħala “rimedju legali eżistenti.”
Abela kien intervistat barra l-Parlament ftit jiem wara li Polidano kiseb permess tal-ippjanar li ssanzjona l-iżvilupp massiċċ tiegħu f’Ħal Farruġ għal €1.8 miljun.
Is-sanzjonar ta’ illegalitajiet li jmorru lura għaddeċennji saħansitra xekkel lil xi membri tal-Bord tal-Ippjanar, hekk kif membru wieħed osserva li dan l-att tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) jibgħat messaġġ li illegalitajiet massivi jistgħu jiġu ssanzjonati.
Nhar it-Tnejn, Abela ġie mistoqsi b’mod ripetut jekk jemminx li dan is-sanzjonar kien ġust, iżda ma ta l-ebda risposta diretta. Huwa żamm distanza mill-każ billi qal li l-proċess ta’ sanzjonar isir b’mod awtonomu mill-PA u li “il-politiċi ma jindaħlux f’dawn id-deċiżjonijiet.”
Abela sostna li l-miżata ta’ €1.8 miljun kienet “konsiderevoli,” iżda meta ġie mfakkar li Polidano, magħruf bħala “Iċ-Ċaqnu,” huwa wieħed mill-aktar nies sinjuri f’Malta, il-Prim Ministru qal li l-PA ma tieħux in konsiderazzjoni l-qagħda finanzjarja ta’ min japplika. Huwa ma wieġibx meta ġie mistoqsi jekk dan kienx ġust.
Biex iżid mal-kritika, Abela qabbel is-sanzjonar ta’ Iċ-Ċaqnu ma’ skema ta’ regolarizzazzjoni tal-2016 għall-proprjetarji li għandhom irregolaritajiet minuri fid-djar tagħhom li ma kinux jikkonformaw totalment mar-regolamenti tal-PA.
Il-Prim Ministru żied jgħid li ma jemminx li politiku għandu jikkummenta dwar jekk liġi bħal din hijiex ġusta jew le. Huwa wkoll sostna li ma jemminx li din id-deċiżjoni toħloq preċedent perikoluż “għax dak hu l-iskop tas-sanzjonar.”
Aqra Wkoll: Iċ-Ċaqnu jingħata rigal kbir mill-Gvern filwaqt li kriminal jingħata xogħol lura mal-Gvern