Iċ-Ċaqnu jingħata rigal kbir mill-Gvern filwaqt li kriminal jingħata xogħol lura mal-Gvern
Iċ-Ċaqnu jingħata rigal kbir mill-Gvern filwaqt li kriminal jingħata xogħol lura mal-Gvern
Hekk kif il-megamiljunarju Charles Polidano magħruf bħala ċ-Caqnu ħa l-ikbar rigal ta’ ħajtu b’multa redikola ta’ 1.8 miljun ewro mill-Awtorità tal-Ippjanar bil-barka ta’ Kastilja għal meded ta’ bini u arkitettura illegali grotteska u ħamalla f’post imsemmi Montekristo, il-Prim Ministru Robert Abela ddefenda l-ingaġġ ta’ Kurt Buhagiar, persuna kriminali li kienet ġiet akkużata bit-traffikar ta’ persuni fl-Italja u għamlet sena l-ħabs fl-Italja.
U apparti hekk, wara li din il-persuna ngħatat art mill-Malta Enterprise u l-Indis f’Kordin u bniet qoxra ta’ fabbrika li kienet sfrondat u qatlet lil Jean Paul Sofia. Buhagiar kien spiċċa mixli fil-Qorti bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia (ara editorjal paġna 11) wara li l-bini kien sfronda u qatel lill-ġuvni Sofia. U kien ġie sospiż u issa għadu kif ingħata l-opportunità li jerġa’ lura għax-xogħol.
Kurt Buhagiar — li apparti li reġa’ sar xufier mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella — huwa wkoll raħħal b’razzett iddisinjat qisu villa fil-Wied ta’ Għajn Riħana fejn għandu nagħaġ maqfulin fi kmamar fit-terran tal-bini ġol-wied. Ħaġa tal-iskantament hi li ħadd ma jistaqsi kif Buhagiar jista’ jagħmel dawn it-tliet affarijiet f’daqqa.
Lil hinn mill-aħbar ta’ Buhagiar, l-ikbar aħbar kienet li Polidano — meqjus bħala protett mill-klassi politika kollha inkluż dik Nazzjonalista — ġie mmultat multa redikola wara pressjoni minn Kastilja wara snin ta’ abbuż, kif ukoll wegħdiet min-naħa taċ-Ċaqnu li jwaqqa’ l-bini illegali u jħallas il-multi. Fi kliem Ministri li kellmuna bil-kundizzjoni li jibqgħu anonomi: “Id-deċiżjonijiet li qed iseħħu huma frott tal-politika ta’ xejn ma jimpurtani u xejn mhu se jwaqqafni ta’ Robert Abela.”
Ministri kkummentaw li kulħadd jaf kif Polidano jdur mal-politiċi u jagħmel minn kollox ma’ dawk li jkunu viċin tiegħu. “Ċali jaf kif iġib il-politiċi fuq in-naħa tiegħu, ma tridx tkun għaref biex tifhem kif jagħmilha!”
Tliet ministri li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalulna li hemm kultura assoluta ta’ għala bibiżmu bħalissa u minflok rispons kalm u maħsub, qed jaraw Prim Ministru li lest jinjora s-sewwa magħruf.
“Is-sitwazzjoni hi dik li hi. L-opinjoni pubblika ma teżistix u, mhux hekk biss, in-nies jinsew xi jkun qal Robert Abela. Ara din tal-appelli, minn fejn sa fejn naslu biex innaqqsu ż-żmien tal-appelli. Dan kollu sempliċement biex nikkuntentaw lil xi Sandro Chetcuti ta’ din id-dinja li xorta jilgħabna man-Nazzjonalisti.”
Ministru ieħor qal: “Qiegħed jagħmel hekk għax il-media Maltija mejta u l-Oppożizzjoni iktar minnhom. Din ta’ Kurt Buhagiar kerha. Ma nafx għalfejn ħareġ għonqu għalih. Dan kien għamel sena l-ħabs Ragusa fuq traffikar ta migranti u l-binja li waqgħet u qatlet lil Jean Paul Sofia kienet tiegħu.”
Ministru ieħor qalilna: “Robert Abela nesa x’ġara fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Qed jaħseb li n-nies se jinsew b’dak li ġara. U qed jimla rasu li jagħmel x’jagħmel ħa jibqa’ minn fuq.”
“Dan l-inkwiet m’għandux bżonnu. Mhu se jiġrilu xejn sakemm l-Oppożizzjoni tibqa’ kif inhi: zoppa u bla ras.”
