Messaġġ ċar fis-sondaġġi
B’differenza minn media oħra, is-sondaġġi tagħna ma jippruvawx jaħbu l-verità jew juru l-ward meta hemm ix-xewk.
L-istħarriġ politiku tal-gazzetta oħt MaltaToday ippubblikat illum juri l-Partit Laburista għadu jgawdi vantaġġ ta madwar 7,500 vot fuq il-Partit Nazzjonalista.
Iżda hemm sinjali inkwetanti għall-Labour. B’differenza minn media oħra, is-sondaġġi tagħna ma jippruvawx jaħbu l-verità jew juru l-ward meta hemm ix-xewk.
Jidher ċar li qed jiżdiedu dawk fil-Partit Laburista li qed jgħidu li mhux se jivvutaw jew ma mafux kif se jivvutaw.
U għalkemm dawn in-nies mhux se jibdlu l-vot kollha kemm huma għall-PN, huwa xorta indikattiv ta’ kemm minnhom mhumiex kuntenti bil-gvern.
In-numri juru li l-PL jirbaħ l-elezzjoni kieku kellha tissejjaħ issa, iżda b’vantaġġ li qed jittiekel. U jekk din it-tendenza tkompli, il-PL ħa jbati.
Abela jrid jevalwa jekk ikunx vantaġġ għalih isejjaħ elezzjoni bikrija issa jew jibqa’ jistenna bit-tama li jkun jista’ jerġa’ jirbaħ lura lil dawk il-Laburisti diżillużi.
Alex Borg, min naħa l-oħra, ma jistax joqgħod fuq in-numri lanqas, għax għalih it-triq għar-rebħa hija itwal.
Għalkemm, irridu nammettu li l-ħatra ta’ Borg bħala Kap tal-PN diġa’ ħalliet riżultati pożittivi. Borg qed jirnexxielu jikkonvinċi iktar nies li l-PN bih bħala Kap huwa lest jiggverna. Vera, m’aħniex naraw xi ċaqlieq kbir mill-Labour għall-PN, iżda n-numri juru ċar li iktar u iktar nies qed jisimgħu u jemmnu lil Borg.
Iż-żgħażagħ partikolarment qed jgħarfu f’Borg persuna li kapaċi jappoġġjaw għat-tmexxija tal-pajjiż. L-eta’, l-istil u l-messaġġ ta’ Borg qed jogħġbu lil żgħażagħ li forsi qatt ma’ ħasbu fuq lil min għandhom jivvutaw jew li qatt ma ħadu interess fil-partiti u l-politika.
Il-probabbiltà hi li Borg mhux se jirnexxielu jikkonvinċi biżżejjed nies sal-elezzjoni li jmiss biex jirbaħ, iżda m’għandux triq oħra ħlief li jkompli jħabbat fuq il-bibien tan-nies.
Borg irid ukoll ikompli jipprepara l-partit tiegħu għal elezzjoni. Irid jibda minn issa jippjana l-istrateġija tal-PN għall-kampanja elettorali: jibni lista ta’ kandidati li teċita u tqanqal interess, manifest elettorali li jipprovdi viżjoni ċara tal-futur ta’ Malta taħt gvern Nazzjonalista, u jsaħħaħ l-istrutturi tal-partit innifsu mhux billi jimlihom nies li qatt ma jgħidulu le, iżda bl-aħjar nies kapaċi għall kull rwol. Imma fuq kollox irid juri li għandu tim tajjeb u tim tajjeb m’għandux.
Il-PN irid joffri mhux biss tama li l-pajjiż ikun aħjar jekk immexxi minnu, iżda pjan dettaljat ta’ kif ħa joffri dan. U pjan li ma jinkludix suġġerimenti redikoli bħall-four-day week jew inkella stqarrijiet konflinġenti dwar min imur il-ħabs jew ma jmurx il-ħabs jekk xi ħadd jinstab jagħmel abort.
Minn naħa l-oħra Robert Abela irid japprezza li l-vera sfida tiegħu huma il-65,000 persuna li ma jridux jivvutaw u li ħafna minnhom huma Laburisti.
Għalfejn ma jridux jivvutaw hija l-mistoqsija, u iktar importanti x’qed jistaqsu jew jistennew dawn in-nies.
U ma nimmaġinawx li dawn qed ikun siekta għax iridu xi ħaġa għalihom imma… aktarx xi ħaġa għal pajjiżhom.
