Budget li jagħti serħan il-moħħ
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said tiddefendi l-impenn tal-Gvern lejn il-ħarsien tal-annimali wara l-kritika tal-Oppożizzjoni, filwaqt li tisħaq li l-Budget 2027 joffri aktar serħan il-moħħ lill-familji, lill-ħaddiema u lill-pensjonanti
Alicia Bugeja Said
Il-valur ta’ budget jitkejjel minn kemm iwieġeb għall-ħtiġijiet tan-nies u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’aktar serħan il-moħħ. Il-Budget 2027 ikompli f’din id-direzzjoni, b’appoġġ għall-familji, għall-ħaddiema u għall-pensjonanti, filwaqt li jħares is-sostenibbiltà tal-finanzi ta’ pajjiżna.
Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, id-diskors tal-Budget tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, wera kif Gvern Laburista qed ikompli jisma’ u jwieġeb b’deċiżjonijiet u miżuri konkreti.
Bħala omm ta’ żewġt itfal, nilqa’ b’apprezzament partikolari t-tkomplija tat-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri. Naf kemm it-trobbija ġġib magħha ferħ, iżda wkoll responsabbiltajiet u spejjeż. Meta l-ġenituri jirnexxilhom ifaddlu minn dak li jaqilgħu, ikollhom aktar spazju biex jilħqu l-bżonnijiet ta’ wliedhom u jippjanaw il-futur tagħhom.
Il-fatt li l-benefiċċju minn dan it-tnaqqis se jirdoppja huwa rikonoxximent tal-ħidma li jagħmlu l-familji kuljum. L-istess jgħodd għall-miżura tat-terapiji bla ħlas għat-tfal b’diżabbiltà, li twieġeb għal ħtieġa importanti u ttaffi piż minn fuq il-ġenituri.
Is-superbonus, iż-żieda fil-pensjonijiet u t-tkomplija tal-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija jsaħħu dan is-serħan il-moħħ. Dawn huma għażliet li juru kif il-ġid tal-pajjiż jista’ jissarraf f’appoġġ li jinħass.
Dan donnu ssorprenda lill-Oppożizzjoni, li għal xi raġuni ddubitat kemm il-Gvern kien se jżomm kelmtu, partikolarment dwar is-superbonus.
Issa qed tipprova tiżra’ d-dubju wkoll dwar il-qasam li jien responsabbli minnu bħala Segretarju Parlamentari għall-Ħarsien tal-Annimali. Il-kelliema tal-Oppożizzjoni sostniet li dan is-settur mhuwiex prijorità għall-Gvern, sempliċement għax ma ssemmiex fid-diskors tal-Budget.
Donnu nsiet li kien proprju dan il-Gvern li ddedika Segretarjat Parlamentari speċifikament għall-Ħarsien tal-Annimali. Insiet ukoll it-tnejn u għoxrin proposta fil-manifest Int Malta favur il-benesseri tal-annimali: impenji biex insaħħu l-qafas regolatorju, ninvestu aktar fl-edukazzjoni u fl-infurzar, u ndaħħlu miżuri aktar effettivi ta’ deterrent. Fosthom hemm ukoll proposti biex l-għaqdiet mhux governattivi jingħataw sehem akbar fil-kura tal-annimali abbandunati.
Dawn huma impenji li se nkunu qed naħdmu biex inwettqu. Għax il-prijorità li nagħtu lil dan is-settur titkejjel bil-ħidma u bir-riżultati.
Quddiema għandna ħafna sfidi, iżda ninsabu determinati li bil-ħidma, bl-inizjattivi u bil-mod kif inwieġbu, se naslu biex anke l-annimali tagħna jkollhom ħajja aħjar. Din hija r-responsabbiltà li nġorr kuljum u li rrid inkompli nwettaq flimkien ma’ dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur.
Is-suċċess tal-Ġimgħa għall-Għarfien dwar l-Annimali wera propju l-importanza li nlaqqgħu flimkien lill-professjonisti, lill-għaqdiet, lill-voluntiera u lill-pubbliku. L-inizjattivi ta’ taħriġ fl-ewwel għajnuna għall-annimali fil-komunità jkomplu jsaħħu din il-ħidma, billi jagħtu lin-nies għarfien prattiku biex ikunu jistgħu jgħinu.
Dawn huma inizjattivi li jressqu l-ħarsien tal-annimali aktar qrib il-ħajja ta’ kuljum. Għax il-progress f’dan il-qasam jitlob ukoll edukazzjoni, prevenzjoni u kultura ta’ responsabbiltà.
Naċċettaw u nilqgħu l-iskrutinju. Huwa dritt tal-Oppożizzjoni li tistaqsi u tipproponi, u huwa dmir tagħna li nwieġbu u naġixxu. Iżda d-dibattitu jkun aktar utli meta jiffoka fuq dak li sar u fuq kif nistgħu ntejbuh aktar milli fuq xi ntqal u x’ma ntqalx.
Il-ħarsien tal-annimali jibqa’ parti mill-viżjoni tagħna għal soċjetà li tgħaqqad il-progress mal-kwalità tal-ħajja. Irridu soċjetà li tappoġġa lill-familji u tirrikonoxxi wkoll ir-responsabbiltà tagħna lejn l-annimali li jiddependu minna.
Dan huwa impenn li nkomplu nwettqu kuljum. Malta Miegħek għax Gvern Laburista jisimgħek, jifhmek u jaġixxi.
