Prova oħra li dak imwiegħed jitwettaq

Il-Ministru Julia Farrugia tispjega kif il-Budget 2027 se jkompli jsaħħaħ l-inklużjoni permezz ta’ għajnuna akbar lill-persuni b’diżabilità, lill-familji tagħhom u lill-carers, b’miżuri li jinkludu żidiet fil-benefiċċji u appoġġ għat-terapiji tat-tfal

Julia Farrugia, Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat 

Dejjem sostnejna li għalina l-INKLUŻJONI mhijiex biss kelma, iżda impenn li nsarrfu f’miżuri konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Ħidmietna fis-snin li għaddew huma aktar minn prova ta’ dan. Il-Budget għas-sena 2027 huwa tkomplija ta’ twettiq ta’ dan l-impenn. Imma mhux biss. Huwa Budget ta’ serħan il-moħħ. Huwa Budget li jkompli jistimulak taħdem aktar għax qed jirrifletti riżultati miksubin b’għaqal u ħidma determinata. 

Nemmen li s’issa x’aktarx li diġà smajtu mhux ħażin dwar il-miżuri li tħabbru u li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi, hi x’inhi l-età, ħidmietu, iċ-ċirkostanzi individwali. Budget li tista’ tiġbru f’sentenza waħda: Budget li jaħseb għal kollox u għal kulħadd. 

Fl-ispazju limitat disponibbli għal kitbieti se nagħti ħarsa ħafifa lejn dak li tħabbar fil-Budget fejn jirrigwarda l-INKLUŻJONI. Miżuri li jirriflettu twettiq ta’ dak imwiegħed fl-aħħar Manifest Elettorali tal-Partit Laburista. 

Huwa fatt magħruf li intervent bikri u terapija minn età żgħira huma l-akbar investiment għal inklużjoni vera. B’konformità ma’ dan se ngħinu fl-ispejjeż kollha marbuta ma’ terapija meħtieġa għal tfal b’diżabilità taħt it-18-il sena. Ċertament li din il-miżura hija ta’ soljev kbir għall-ġenituri u għall-familji ta’ dawk ikkonċernati. 

Miżura oħra li tfisser twettiq ta’ wegħda elettorali oħra tirrigwarda il-Carers Grant li titħallas lil ġenituri li ma jistgħux jaħdmu minħabba d-diżabilità severa ta’ wliedhom. Minn Jannar li ġej se nibdew it-triq biex din l-għotja tiġi ekwivalenti għall-Paga Minima Nazzjonali. Bħala l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, il-Carers Grant se titla’ għal €7,500 fis-sena. Barra minn hekk dawk il-ġenituri li ma jaħdmux iżjed minn 20 siegħa part-time fil-ġimgħa se jibdew jibbenefikaw xorta mill-għotja iżda bir-rata preżenti ta’ nofs il-Paga Minima Nazzjonali netta. 

Miżura oħra ta’ benefiċċju tirrigwarda anzjani li jimpjegaw carer full-time. Sal-lum dawn l-anzjani kienu jingħataw għajnuna li tammonta għal €9,000 fis-sena. Minn Jannar li ġej din l-għajnuna se tiżdied bi €800 u se tilħaq €9,800 fis-sena. 

Bħal kull sena tħabbret żieda fil-Paga Minima Nazzjonali li tinkludi iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA). Dawn se jkunu riflessi f’rati ogħla li jitħallsu lil madwar 15,000 persuna b’diżabilità u carers u persuni li jirċievu l-assistenzi soċjali.  

L-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa se tiżdied b’€9.37 fil-ġimgħa waqt li l-Assistenza għal Diżabilità, l-Assistenza għal Persuni b’Vista Batuta, il-Benefiċċju għal Diżabilità, l-Allowance Miżjuda għal Carers, l-Allowance għal Carers u l-Assistenza Soċjali se jiżdiedu b’€6.41 fil-ġimgħa.  

Miżura oħra li tħabbret fil-Budget u li hija pass ieħor fit-twettiq ta’ wegħda elettorali oħra, tikkonċerna persuni b’diżabilità li jirċievu pensjoni kontributorja u li qabel kienu jirċievu xi forma ta’ benefiċċju għad-diżabilità, jew pensjoni għal korriment fuq ix-xogħol, riċentement mal-pensjoni bdew jitħallsu 10% tal-benefiċċju li kienu intitolati għalih qabel laħqu l-età tal-irtirar u tilfuh meta ħadu l-pensjoni. 

Minn Jannar li ġej dan il-persentaġġ se jiżdied għal 20% sakemm eventwalment fis-snin li ġejjin jitla’ għal 50% u b’hekk tkun twettqet kompletament il-wegħda elettorali.  

Trattajt biss parti mill-Ministeru fir-responsabbiltà tiegħi bħala Ministru u x’benefiċċji hemm biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk ikkonċernati. Dawk li jeħtieġu spalla. Spalla li dejjem sabu fi gvernijiet Laburisti ta’ kull żmien. Spalla li se jibqgħu jsibu. Spalla li tajjeb li wieħed jipparagunaha ma’ dak li qegħdin jaffaċċjaw popli oħrajn f’pajjiżi viċin tagħna. 

Budget li huwa aktar minn prova li dak li nwiegħdu nwettquh. 

More in Politika