Editorjal | Il-ħaddiema barranin: irriduhom jew le?

Il-kwistjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs) xprunata minn Clyde Caruana, il-Minstru tal-Finanzi, reġgħet tqajmet b’mod qawwi fil-Budget għall-2027, b’miżuri li jkomplu jżidu r-restrizzjonijiet u l-obbligi fuq dawn il-ħaddiema jew min iħaddimhom. Iżda lil hinn mill-miżuri individwali, hemm mistoqsija fundamentali li l-Gvern jeħtieġ iwieġeb b’mod ċar: Malta tridhom lil dawn il-ħaddiema jew le? 

Il-punt mhux jekk għandux ikun hemm kontrolli aħjar, infurzar aktar effettiv jew regoli aktar stretti kontra l-abbuż. Dawn huma għanijiet leġittimi u meħtieġa. Il-problema tinsab fil-kontradizzjoni bejn mudell ekonomiku li għal snin sħaħ għamel użu estensiv mill-ħaddiema barranin u politika li, meta dawn il-ħaddiema jsiru parti integrali mis-soċjetà Maltija, tibda tittrattahom dejjem aktar bħala problema li trid tiġi kkontrollata. 

Il-Budget introduċa żieda fil-miżati għall-permessi tax-xogħol, minn €600 għal €800 għal applikazzjonijiet ġodda, flimkien ma’ kontribuzzjoni ġdida ta’ €400 għall-infrastruttura, li tapplika wkoll għal min ikun diġà Malta u jrid iġedded il-permess tiegħu. Ħaddiema minn pajjiżi terzi li ilhom Malta inqas minn ħames snin se jitilfu wkoll id-dritt għal trasport pubbliku b’xejn u għal servizzi ta’ childcare b’xejn. Minbarra dan, se jkun hemm ħlas ta’ €83 fix-xahar għal dawk li jużaw liċenzja tas-sewqan barranija wara li jiskadi l-perjodu permess.  

Il-Gvern jiddefendi dawn il-miżuri bħala parti minn strateġija biex jikkontrolla t-tkabbir tal-popolazzjoni u jindirizza l-pressjoni fuq l-infrastruttura. Iżda wieħed irid jistaqsi jekk dawn humiex tassew miżuri strutturali biex jinbidel il-mudell ekonomiku jew sempliċement mod kif jiġi ffinanzjat is-superbonus li l-Gvern ħabbar li se jqassam fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. 

Il-Gvern ma jistax jinjora l-irwol li kellu hu stess biex tinħoloq din is-sitwazzjoni. Għal snin sħaħ, l-ekonomija Maltija kibret fuq il-bażi ta’ provista kontinwa ta’ ħaddiema barranin. Huma dawn il-ħaddiema li jaħdmu f’lukandi, ristoranti, siti tal-kostruzzjoni, fabbriki, trasport u anke fis-settur tas-saħħa. Ħafna minnhom ġew Malta għax kien hemm domanda għal xogħolhom, u għax il-politika ekonomika tal-pajjiż kienet tiddependi fuqhom. 

Issa, iżda, meta l-popolazzjoni u l-infrastruttura qed iħossu l-pressjoni ta’ dan il-mudell, dawn l-istess ħaddiema qed jispiċċaw fil-mira ta’ miżuri li jagħmlulhom il-ħajja aktar għalja. Fejn hi r-responsabbiltà ta’ min ħeġġeġ dan il-mudell u ħalla l-ekonomija tiddependi fuqu? 

Mhux ta’ b’xejn li l-miżuri qajmu kritika minn organizzazzjonijiet tan-negozju, trade unions u l-alleanza tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Anke l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem wissew li l-ispejjeż addizzjonali jistgħu jispiċċaw jgħaddu għand in-negozji u l-konsumaturi, u jaggravaw in-nuqqas ta’ ħaddiema f’setturi kruċjali.  

Dan ma jfissirx li Malta m’għandhiex tikkontrolla aħjar il-ħaddiema li jidħlu fil-pajjiż, tiġġieled l-abbuż u tippjana l-iżvilupp tagħha skont il-kapaċità tal-infrastruttura. Iżda dawn il-problemi ma jistgħux jiġu solvuti billi l-ħaddiema barranin jitqiesu bħala piż meta jkunu meħtieġa, u bħala riżorsa meta l-ekonomija jkollha bżonn tikber. 

Għalhekk qed insaqsu: irriduhom jew le? Jekk irriduhom, irridu noffrulhom kundizzjonijiet ġusti, rispett u sens ta’ appartenenza. Jekk ma rriduhomx, il-Gvern għandu jkollu l-kuraġġ ibiddel il-mudell ekonomiku u jispjega kif se jimla l-postijiet tax-xogħol li bħalissa jiddependu fuqhom. 

Li ma jistax jagħmel hu li jkompli jsejħilhom biex jiġu jaħdmu Malta, jiddependi fuq il-kontribut tagħhom biex iżomm l-ekonomija miexja, u mbagħad jittrattahom bħala problema meta jasal iż-żmien li jindirizza l-konsegwenzi tal-politika tiegħu stess, jew biex ikun popolist u jirbaħ favur mal-Maltin. 

Din hija kontradizzjoni li Clyde Caruana u l-Gvern ta’ Robert Abela jridu jispjegaw. 

More in Politika