Budget b’miżuri, iżda x’inhi d-direzzjoni li se nieħdu?
Darren Carabott jargumenta li ż-żidiet fit-tariffi għall-ħaddiema barranin u fit-taxxa fuq l-akkomodazzjoni turistika jistgħu jkomplu jgħollu l-għoli tal-ħajja, filwaqt li l-Gvern għadu ma ppreżentax viżjoni ċara għall-futur ekonomiku tal-pajjiż.
Darren Carabott
Il-Budget għall-2027 ħalla warajh mistoqsija fundamentali li, fil-fehma tiegħi, għadha mingħajr tweġiba: fejn irid iwassalna l-Gvern?
Għal dawn l-aħħar tlettax-il sena, il-politika ekonomika tal-Gvern kienet ibbażata, fil-biċċa l-kbira tagħha, fuq tkabbir ekonomiku sostnut minn żieda fil-popolazzjoni, fil-ħaddiema barranin u fit-turiżmu. In-negozji ġew imħeġġa jinvestu, jespandu l-operat tagħhom u jimpjegaw aktar nies biex ilaħħqu mad-domanda.
Iżda llum, wara snin li fihom din il-politika ħalliet pressjoni dejjem tikber fuq l-infrastruttura, it-toroq, is-servizzi pubbliċi u l-kwalità tal-ħajja, il-Gvern jidher li qed ibiddel ir-rotta.
Il-problema mhijiex li qed jirrikonoxxi l-ħtieġa għal bidla b’mod partikolari fil-livelli tal-popolazzjoni u fil-kwalita tat-turist. Anzi, din il-bidla ilha meħtieġa. Il-problema hi li qed ibiddel il-miżuri mingħajr ma jippreżenta direzzjoni politika ċara.
Fil-Budget tħabbru żidiet sostanzjali fit-tariffi marbuta mal-ħaddiema minn pajjiżi terzi, fosthom għal applikazzjoni ġdida ta’ permess tax-xogħol u kif ukoll tiġdid tal-permess. Żdiedet ukoll l-ekokontribuzzjoni fuq l-akkomodazzjoni turistika, b’rati ta’ €8 jew €10 għal kull lejl, skont it-tip ta’ akkomodazzjoni.
Dawn huma miżuri li se jkollhom implikazzjonijiet fuq in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi. Iżda x’inhu l-għan aħħari tagħhom?
Il-Gvern irid inaqqas id-dipendenza ekonomika fuq il-ħaddiema barranin? Irid inaqqas l-għadd ta’ turisti? Jew sempliċement irid jiġbor aktar dħul mill-istess attività ekonomika? Irid ibiddel il-mudell ekonomiku?
Dawn huma tliet għanijiet differenti li jeħtieġu direzzjonijiet differenti. U jekk l-għan hu li nnaqqsu d-dipendenza fuq iż-żieda fil-popolazzjoni, il-poplu Malti ħaqqu jkun jaf b’kemm, f’liema setturi, f’liema żmien u b’liema alternattivi ekonomiċi.
Ma tistax tindirizza problema strutturali billi sempliċement tagħmilha aktar għalja.
Hemm ukoll il-kwistjoni ta’ min eventwalment se jġorr dawn l-ispejjeż. In-negozji li jiddependu fuq il-ħaddiema barranin mhux neċessarjament jistgħu jassorbu kull żieda. Hemm riskju reali li parti minn dawn l-ispejjeż tgħaddi għand il-konsumatur, permezz ta’ prezzijiet ogħla għall-prodotti u s-servizzi.
B’hekk, miżura maħsuba biex tindirizza pressjoni fuq il-popolazzjoni tista’ tispiċċa żżid il-pressjoni fuq l-għoli tal-ħajja, mingħajr garanzija li tindirizza l-problema oriġinali.
Aktar minn hekk, jekk il-Gvern qed jitlob kontribuzzjonijiet ġodda, għandu jispjega fejn se jiġu investiti dawn il-flus. Se naraw investiment konkret fit-trasport pubbliku, fit-toroq, fl-isptarijiet, fl-iskejjel u fis-servizzi essenzjali? U kif se jitkejjel ir-riżultat? Jew se jmorru biex jitħallas l-infiq irresponsabbli tiegħu bħall-konsulenzi tal-ħbieb tal-ħbieb u r-reklamar partiġġjan tiegħu?
Għax mhuwiex biżżejjed li nagħrfu l-problemi li ħoloq mudell ekonomiku. Irridu wkoll pjan biex insolvuhom.
Għalhekk ilna ninsistu fuq l-evoluzzjoni tal-mudell ekonomiku: mudell li ma jibqax ikejjel is-suċċess sempliċement mill-għadd ta’ ħaddiema u turisti li nattiraw, iżda mill-produttività, il-valur miżjud u l-kwalità tal-ħajja li noħolqu.
Din hi wkoll ir-raġuni wara l-proposta għal awtorità responsabbli mill-ippjanar tal-livelli tal-popolazzjoni, li tevalwa l-ħtiġijiet ta’ kull settur ekonomiku u torbothom mal-kapaċità infrastrutturali tal-pajjiż.
Dan ma jfissirx li ma kienx hemm miżuri pożittivi fil-Budget. Iżda l-miżuri individwali, tajbin kemm ikunu tajbin, ma jistgħux jieħdu post viżjoni ekonomika komprensiva.
Il-pajjiż għandu bżonn direzzjoni li tagħti ċertezza lin-negozji, pjan fit-tul għall-infrastruttura u miri ċari għall-popolazzjoni, it-turiżmu u l-produttività.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, Budget għandu jkun aktar minn eżerċizzju ta’ kif jinġabru u jitqassmu l-flus. Għandu jkun espressjoni ta’ fejn irridu nieħdu lil pajjiżna.
U hija proprju dik id-direzzjoni li għadna qed nistennew.
