Editorjal|Il-kultura ma jistħoqqilhiex ministru bħal dan
Il-kontroversja dwar il-kummenti ta’ Malcolm Paul Agius Galea mhijiex biss kwistjoni ta’ kliem, iżda ta’ fiduċja u responsabbiltà politika. Quddiem it-talba ta’ eluf ta’ professjonisti għat-tneħħija tiegħu mill-portafoll tal-kultura, Robert Abela għandu juri jekk hux lest jieħu azzjoni konkreta, filwaqt li l-Oppożizzjoni wkoll trid tkun aktar ċara dwar il-pożizzjoni tagħha
Malcolm Paul Agius Galea mhux sempliċement parla fil-vojt. Il-kummenti tiegħu dwar l-artisti u l-kreattività kixfu problema ferm aktar serja: li ma fehemx ir-rwol li għandu jaqdi ministru tal-kultura u, fuq kollox, nuqqas ta’ sensittività lejn settur li suppost jirrappreżenta u jiddefendi.
Meta ministru jiddeskrivi l-ewwel xhur tiegħu fil-kariga bħala “trawmatiċi”, jirreferi għall-kreattività bħala xi ħaġa li jista’ jkollha elementi perikolużi, u jitkellem dwar artisti li jaħsbu li huma r-rigal t’Alla lid-dinja, ikun qed jagħti stampa ċara ħafna tal-attitudni tiegħu lejn is-settur. Jidher li minflok ma jara l-artisti bħala nies li għandhom bżonn champion fil-Gvern, jarahom bħala problema li jrid jitgħallem jimmaniġġja.
Din mhix biss kwistjoni ta’ kliem. Hija kwistjoni ta’ mentalità.
Il-kreattività ma tistax tkun suġġetta għal xi norma imposta minn ministru. L-arti mhijiex eżerċizzju biex togħġob lill-awtoritajiet jew biex tibqa’ fil-limiti ta’ dak li xi ħadd fil-poter iqis bħala tajjeb jew ħażin. L-arti għandha d-dritt li tipprovoka, tisfida, tikkritika u tqajjem mistoqsijiet skomdi. Jekk il-ministru ma jifhimx dan, diffiċli wieħed jara kif jista’ jmexxi settur li l-libertà tal-espressjoni hija fil-qalba tiegħu.
U ma jistax jaħrab mir-responsabbiltà billi jgħid li seta’ esprima ruħu aħjar. Il-problema mhijiex biss kif qal dak li qal, iżda x’juru l-kummenti dwar il-mod kif iħares lejn il-kultura. Il-wegħda li jbaxxi rasu u jaħdem aktar ma tistax tkun il-konklużjoni ta’ din il-kontroversja.
Il-fatti jitkellmu waħedhom. Il-Malta Entertainment Industry and Arts Association ressqet ittra miftuħa lill-Prim Ministru, sostnuta minn 56 organizzazzjoni u 3,327 professjonist fis-settur, fejn talbet ir-riżenja tal-ministru jew li jitneħħielu l-portafoll tal-kultura. Dan m’għadux argument bejn ministru u ftit kritiċi. Huwa sinjal ta’ kriżi serja ta’ fiduċja fi ħdan il-komunità li suppost għandu jmexxi.
U x’qed jagħmel Robert Abela? Il-Prim Ministru stess ammetta li l-kummenti kienu insensittivi u li s-settur kellu raġun ikun diżappuntat. Iżda jekk Abela jagħraf li l-Ministru tiegħu weġġa’ lil dan is-settur, għaliex waqaf hemm?
Il-Prim Ministru kellu quddiemu opportunità ċara li juri li r-responsabbiltà politika għadha tfisser xi ħaġa. Minflok, il-pubbliku ra rikonoxximent tal-problema iżda mhux azzjoni proporzjonata magħha. U anki wara l-appell formali ta’ eluf ta’ professjonisti, il-kwistjoni tibqa’ fuq il-mejda tiegħu.
Din hija l-istess attitudni ta’ kompjaċenza li tant drabi naraw f’dan il-Gvern: meta tqum kontroversja, issir xi dikjarazzjoni, issir xi apoloġija parzjali, titwiegħed aktar ħidma u mbagħad kulħadd jistenna li l-istorbju jgħaddi. Il-problema mhijiex biss il-Ministru, iżda wkoll Prim Ministru li, minkejja li jagħraf il-ħsara, ma jagħtix sinjal ċar ta’ responsabbiltà politika.
Lanqas il-Partit Nazzjonalista ma ħareġ tajjeb minn din il-kwistjoni. L-ewwel reazzjoni tiegħu kienet li l-Ministru għandu jieħu responsabbiltà politika, iżda mhux bilfors jirriżenja. Din hija pożizzjoni li tħalli wisq lok għall-ambigwità. Meta l-komunità artistika qed tiddikjara li tilfet il-fiduċja fil-persuna li suppost tirrappreżentaha, x’inhu eżattament il-livell ta’ responsabbiltà li l-Oppożizzjoni qed titlob?
Il-PN kellu jkun aktar ċar u konsistenti. Mhux biżżejjed jikkritika l-kummenti u jippreżenta lista ta’ proposti għall-kultura. Il-kwistjoni hija waħda ta’ tmexxija u ta’ fiduċja, u l-Oppożizzjoni għandha tagħmilha ċara x’responsabbiltà politika tqis meħtieġa f’ċirkostanzi bħal dawn.
Il-kultura Maltija ma tistax tibqa’ ostaġġ ta’ ministru li jidher li għadu ma għarafx x’inhu r-rwol tiegħu, u lanqas ta’ Gvern li jippreferi jistenna li kontroversja tgħaddi milli jindirizzaha.
Il-kwistjoni issa mhijiex jekk Malcolm Paul Agius Galea jistax jagħmel diskors aħjar id-darba li jmiss. Hija jekk il-fiduċja li ntilfet tistax terġa’ tinbena waqt li jibqa’ responsabbli mill-istess portafoll. U Robert Abela ma jistax jibqa’ jinħeba wara kliem dwar sensittività. Ir-responsabbiltà tiegħu bħala Prim Ministru trid tidher fid-deċiżjonijiet li jieħu, u mhux biss fid-dikjarazzjonijiet tiegħu.
