Filmat | 'Mużika moderata dejjem mhux wara l-11pm biss' - Rabja u għajjat waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Belt

Diversi residenti jattendu għal-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u s-Sindku tal-Belt jakkuża lill-kunsilliera tal-PN li qed jirreċtaw

Mumenti waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali
Mumenti waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta llum iddiskuta l-Avviż Legali li estenda l-mużika fil-Belt Valletta sas-1am waqt laqgħa li għaliha attendew diversi residenti u li kienet ikkaraterizzata minn għajjat, storbju u tisbit fuq il-mejda.

L-ewwel batibekk beda meta s-Sindku, Alfred Zammit iddeċieda li mill-ewwel jiġi diskuss dan il-punt anke minħabba n-nies li attendew, xi ħaġa li ma qabilx magħha l-Viċi Sindku Ray Azzopardi li xtaq li l-laqgħa tkompli skont l-aġenda. Eventwalment, ġie diskuss mill-ewwel dan is-suġġett.

Il-Minority Leader tal-Belt Valletta, Christian Micallef akkuża lis-Sindku li injora t-talba tiegħu biex tissejjaħ laqgħa urġenti, bis-Sindku jakkużah li qatt ma kellu dan il-komportament u li qed "jirreċta" għax kien hemm il-midja preżenti.

Mill-ewwel kien ċar li ma kienx hemm qbil. Is-Sindku insista aktar minn darba li l-Avviż Legali ħareġ mill-Gvern u li ma jista' jsir xejn dwaru, iżda l-Kunsilliera tal-PN insistew miegħu li l-Kunsill Lokali għandu jitkellem f'isem ir-residenti, jagħmel pressjoni u jassigura li l-Gvern jirrevoka l-Avviż Legali sakemm issir diskussjoni ma' kulħadd.

Fuq punt wieħed kien hemm qbil, jiġifieri li ħadd ma jrid li l-Belt terġa' tispiċċa baħħ mas-7pm iżda l-kunsilliera naqsu milli jaqblu bejniethom fuq x'għandu jiġri wara l-11pm.

Filwaqt li l-Viċi Sindku Azzopardi u anke l-Kunsillier Jurgen Briffa qalu li l-Avviż Legali huwa ċar, dawk Nazzjonalisti insistew li mhuwiex u jħalli toqba kbira biex sidien ta' stabbilimenti jkunu jistgħu jagħmlu li jridu.

Uħud mir-residenti li attendew għal-laqgħa
Uħud mir-residenti li attendew għal-laqgħa

Kien hawn li l-Kunsillier Nazzjonalista Vince Fabri saħaq li l-mużika moderata għandha tkun dejjem u mhux wara l-11pm biss. Hawn ir-residenti nfexxew iċapċpu u jgħajtu.

Madanakollu, il-Viċi Sindku reġa' kien voċiferu kontra Fabri u fakkru li kien Kunsill Nazzjonalista li ħadem biex iqajjem il-Belt u saħansitra akkuża lil Fabri billi qallu: "qed toqtol it-tarbija li wellidt inti stess."

Għal aktar minn darba, saru akkużi kontra Fabri u anke l-Kunsillier Mark Spiteri Lucas għax huma mużiċisti u jdoqqu l-Belt, iżda dawn irribattew billi saħqu li jikkontrollaw il-mużika huma u qatt ma baqgħu jdoqqu wara l-11pm. Saħqu li huma mhux kontra l-mużika imma kontra l-eċċessività.

Insistew li l-Kunsill Lokali ma jistax jibqa' jiddefendi l-interessi tal-Gvern imma għandu jsemma leħen ir-residenti. Mistoqsi minn Christian Micallef, is-Sindku kkonferma li ma kienx infurmat bl-Avviż Legali u sar jaf "meta sar jaf kulħadd."

Eventwalment, wara ħafna għajjat u anke tisbit fuq il-mejda mis-Sindku u l-kunsilliera kollha, Alfred Zammit ta' permess lir-residenti biex jitkellmu. Dawn ilmentaw dwar l-eċċessività tal-mużika. Fost oħrajn kien hemm studenti li lmentaw li lanqas jistudjaw ma jistgħu f'dawk il-ħinijet minħabba l-istorbju.

Is-Sindku Alfred Zammit
Is-Sindku Alfred Zammit

Oħrajn saħqu li lanqas tieqa ma jistgħu jħallu miftuħa wara ċertu ħin minħabba l-istorbju u li anke f'dan il-weekend kien hemm bars li bidlu toroq fil-Belt "fi street parties." Il-Viċi Sindku reġa' akkuża lill-Kunsilliera Nazzjonalista li kienu jafu dwar dan u naqsu lir-residenti meta ma marrux jirrapportaw.

Kien hawn li l-argument dar fuq l-infurzar, bil-kunsilliera Nazzjonalisti jibqgħu jinsistu li dan ma jistax iseħħ għax l-Avviż Legali mhuwiex ċar u ma jispeċifikax meta għandhom jieħdu passi.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott li kien wieħed mid-Deputati tal-PN li ppreżenta mozzjoni Parlamentari biex l-Avviż Legali jkun irrevokat.

Qabel il-laqgħa saret ukoll protesta bil-Valletta Resident Revival jippreżentaw position paper lill-midja, liema position paper ġiet ippreżentata wkoll lis-Sindku.

Il-laqgħa spiċċat mingħajr l-ebda deċiżjoni jew inkella pożizzjoni mill-Kunsill Lokali.

More in Politika