Il-Gvern Malti kien nieda proposti importanti li jindirizzaw diversi aspetti tas-sistema ġudizzjarja, fosthom l-etika, il-proċess dixxiplinarju tal-imħallfin u l-maġistrati, u l-mod kif jiġu magħżula u valutati. L-approċċ integrat jinkludi tibdil legali, amministrattiv u istituzzjonali li mistenni jħalli impatt dirett fuq il-mod kif iċ-ċittadini jesperjenzaw is-servizz tal-ġustizzja. Dawn il-proposti ħa jibqgħu proposti għaliex l-Oppożiżżjoni qed toġġezzjona li ssiru tibdiliet hekk imma li jkun hemm riforma ferm akbar. Minkejja kollox wieħed irid jara ser jiġri hekk kif kap ġdid ikun elett biex imexxi l-PN.
Waħda mill-iżviluppi ewlenin fil-proposti tal-Gvern hija l-introduzzjoni ta’ kariga ġdida: il-Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura. Din il-figura indipendenti tkun responsabbli biex tinvestiga lmenti kontra ġudikanti, kemm dawk li jsiru mill-Prim Imħallef u l-Ministru għall-Ġustizzja, kif ukoll dawk li jiġu direttament miċ-ċittadin. Dan jipprovdi mezz ġdid għal kull persuna biex tesprimi t-tħassib tagħha dwar imġiba, nuqqas ta’ rendiment jew ksur ta’ kodiċi ta’ etika minn xi membru tal-ġudikatura.
Il-Kummissarju, magħżul għal terminu ta’ tliet snin, ikollu s-setgħa li jinvestiga lmenti b’mod sigriet u indipendenti. Ladarba jispiċċa l-proċess ta’ investigazzjoni, jista’ jippreżenta rapport formali u, jekk ikun il-każ, jaġixxi bħala prosekutur quddiem il-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati. Dan il-kumitat jista’ jikkastiga b’miżuri bħal twissijiet, sospensjonijiet, penali pekunjarji, jew saħansitra r-rakkomandazzjoni ta’ tkeċċija mill-kariga.
Minbarra dan, il-proċedura dixxiplinarja tkun imsaħħa b’regoli ċari u limiti ta’ żmien: il-proċedura għandha titlesta fi żmien sena, u jekk ikun hemm appell, għandu jintemm fi żmien sitt xhur. Il-proċeduri jibqgħu sigrieti sakemm il-ġudikant akkużat jitlob li jkunu pubbliċi.
Fl-istess waqt, ġew proposti wkoll bidliet oħra li jolqtu l-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-ġudikatura. L-età tal-irtirar tal-ġudikanti tiżdied minn 68 għal 70 sena, b’possibbiltà ta’ estensjoni b’approvazzjoni istituzzjonali. Din il-bidla hija mmirata biex jitħalla aktar spazju għal ġudikanti b’esperjenza li jixtiequ jkomplu jservu.
Emenda oħra għandha l-għan li ssaħħaħ it-trasparenza fil-proċess ta’ ħatriet ġudizzjarji. Filwaqt li fil-passat kienu jiġu ppubblikati t-tliet ismijiet ta’ dawk li kienu meqjusa bħala kandidati ideali, dawn issa jkunu miżmuma f’reġistru sigriet aċċessibbli biss għal dawk b’responsabbiltà diretta fil-proċess.
Proposti oħra jinkludu tisħiħ fil-mod kif jiġu trattati lmenti kontra avukati u prokuraturi legali, b’limiti ta’ żmien aktar stretti biex jiġu investigati u deċiżi. Ġiet ukoll proposta emenda li tipprovdi għall-ħolqien ta’ tliet sezzjonijiet separati fi ħdan il-Qorti Kostituzzjonali sabiex jindirizzaw każijiet differenti b’mod aktar effiċjenti u speċjalizzat.
Konsultazzjoni estensiva saret mal-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura u l-Kamra tal-Avukati biex ikun hemm ftehim fuq il-prinċipji ewlenin tar-riforma. Dawn il-proposti ġew ispirati wkoll minn rakkomandazzjonijiet internazzjonali, inklużi dawk tal-Kummissjoni Venezja u tar-rapporti Ewropej dwar is-saltna tad-dritt.
Il-pjan globali huwa wieħed li jsaħħaħ l-indipendenza ġudizzjarja, iżda fl-istess waqt jagħmel lill-ġudikatura aktar responsabbli għall-imġiba tagħha. Il-proposti għandhom l-għan li jtejbu l-fiduċja pubblika fil-ġustizzja u jikkonformaw mal-ogħla standards ta’ governanza u proċess ġust.
Minkejja dan, l-Oppożizzjoni esprimiet qbil limitat jew nuqqas ta’ ftehim fuq ċerti aspetti tar-riformi.