Clifton Grima jiftaħ kawża kontra l-UPE
Grima jibda proċess legali li jwassal għal kawża l-qorti kontra l-UPE fuq direttiva li ħarġet f'Jannar tal-2024

More in Politika
Grima jibda proċess legali li jwassal għal kawża l-qorti kontra l-UPE fuq direttiva li ħarġet f'Jannar tal-2024
Clifton Grima ħabbar li beda proċess legali li se jwassal għal kawża l-qorti kontra l-Union of Professional Educators (UPE), rigward direttiva li ħarġet mill-unjoni fl-2024.
Grima tela vidjo fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu l-Ġimgħa waranofsinhar fejn ħabbar li ma jistax ikun hemm direttivi li "jimpattaw b'mod negattiv" lill-istudenti. Dan ftit wara li l-UPE ħabret li l-unjoni rebħet kawża oħra kontra l-Ministeru.
"Biss biss, il-UPE tosserva illi l-gvern fetaħ ammont rekord ta mandati ta’ inibizzjoni kontriha, liema mandati kollha ġew miċħuda mill-Qorti. Apparti minn hekk, il-ministeru u dipartiment tal-edukazzjoni ġew misjuba diversi drabi li għamlu improper discrimination mal-UPE u l-membri tagħha mill-Uffiċju tal-Kummissarju tal-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċju tal-Ombudsman," qalet f'stqarrija l-UPE waqt li kkundannat il-politika tal-ministeru bħala waħda totalitarja.
Fil-vidjo, Grima speċifika li ħa jkunu qed jiġġieldu kontra d-direttiva li ħarġet fl-31 ta' Jannar fejn membri tal-UPE li huma LSE m'għandhomx jagħmlu xogħol ta' LSEs oħra li qegħdin b'xi tip ta' leave, ħlief dawk l-LSEs li jaħdmu ma' studenti tal-Year 11 li l-istudenti lestew l-iskola. Din id-direttiva ġiet aġġornata fl-4 ta' Ottubru fejn saħqet li din tapplika wkoll għal każijiet fejn LSEs jiġu mitluba sabiex jappoġjaw studenti li ma jkollhomx LSE magħhom dakinhar.
"Allura, aħna nkunu l-vuċi li nipproteġu dawn it-tfal, li tassigura li dawn it-tfal jieħdu dan is-servizz li huma intitolati għalih. Allura l-ministeru sa jkun tarka għal dawn l-istudenti sabiex jassigura li jieħdu dak li huwa tagħhom bi dritt."