L-obligu tal-iskills pass għall-Maltin u ċ-ċittadini tal-UE li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu ġie pospost b’sena

Il-Ministeru għat-Turiżmu qal li d-deċiżjoni biex il-fażi li jmiss tiġi posposta għal ċittadini Maltin u tal-UE hija konformi mal-Labour Migration Policy

Il-gvern ippospona b’sena t-tnedija tal-obbligu għall-iskills pass għaċ-ċittadini Maltin u tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu.

Ir-rekwiżit xorta jibqa’ fis-seħħ għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li d-deċiżjoni li jittardja l-fażi li jmiss għaċ-ċittadini Maltin u tal-UE saret b’allinjament mal-Labour Migration Policy li ġiet imħabbra riċentement u se tiġi formalizzata permezz tal-Avviż Legali 113 tal-2025.

L-iskills pass se jkun obbligatorju għal ċittadini Maltin u tal-UE sa Jannar tal-2027.

Il-ministeru qal li din il-bidla se tiftaħ it-triq biex il-iskills pass jinfirex lil hinn mit-turiżmu u l-ospitalita' għal industriji oħra.

S’issa, aktar minn 13,000 ħaddiem kisbu l-iskills pass minn meta tnediet l-inizjattiva f’Mejju tal-2024, taħt il-ħarsien tal-Institut tal-Istudji tat-Turiżmu (ITS).

“Matul is-sena li ġejja, il-gvern se jkompli jinvolvi ruħu ma’ kull sieħeb u partijiet interessati rilevanti sabiex jiżgura li jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-inizjattiva, filwaqt li jkompli jappoġġja t-triq tal-industrija lejn offerta turistika ta’ kwalità ogħla,” qal il-ministeru.

Il-ministeru saħaq fuq l-impenn tiegħu għat-tkabbir sostenibbli tas-settur tat-turiżmu u għall-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol b’saħħtu, reżiljenti u mħarreġ sew.

More in Politika