L-MHRA mħassba li l-Avviż Legali dwar il-mużika se jbiddel lil Belt f'Paceville ieħor

Tappella lill-Gvern biex jiddiskuti mal-istakeholders kollha biex ikun assigurat li l-Belt tibqa' meqjusa destinazzjoni ta' kwalità u mhux destinazzjoni għat-turiżmu tal-massa

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) qalet li hija ddiżapuntata dwar il-fatt li l-Gvern ħareġ Avviż Legali li estenda l-mużika fil-Belt Valletta mill-11pm sas-siegħa ta’ filgħodu mingħajr ma kien hemm konsultazzjoni mal-istakeholders kollha involuti.

Fi stqarrija, l-MHRA kienet ċara fi kliemha u saħqet li dan l-Avviż Legali qed joħloq ir-riskju li jbiddel il-Belt f’destinazzjoni oħra għan-nightlclubs, simili għal Paceville.

L-Avviż Legali li ddaħħal mingħajr l-ebda konsultazzjoni qajjem rabja kbira fost ir-residenti Beltin li saħansitra telgħu bi ħġarhom biex jipprotestaw waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali li lanqas ma kien infurmat dwar l-istess bidla fil-liġi.

L-MHRA qalet li l-Avviż Legali se jpoġġi lil Belt Valletta fl-istess keffa ma’ lokalitajiet oħra bħalma huwa Paceville, Buġibba u l-Qawra għall-ewwel darba.

Fakkret kif fl-aħħar snin, il-Belt saret destinazzjoni popolari ħafna u l-membri tagħha lagħbu rwol kruċjali billi investew il-miljuni f’akkomodazzjonijiet u faċilitajiet li joffru servizzi ta’ kwalità.

Insistiet li l-Belt Valletta tista’ toffri destinazzjoni popolari għal turiżmu ta’ kwalità li jkun jirriflestti wkoll l-istatus tagħha mogħti mill-UNESCO ta’ patrimonju dinji.

Kien għalhekk li esprimiet it-tħassib tagħha dwar dan l-Avviż Legali. Tant u hekk li ħeġġet lill-Gvern biex jiddiskuti mal-membri tagħha mhux biss dwar l-istess Avviż Legali imma anke dwar kif il-prodott turistiku fil-Belt Valletta jista’ jissaħħaħ.

Fost oħrajn sammiet l-organizzazjoni tal-mużika u l-importanza li jkun hemm aktar indafa u pjan aħjar dwar kif u meta jinġabar l-iskart.

Qalet li l-infurzar jibqa’ essenzjali u ħeġġet biex il-kwalità tibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull destinazzjoni li tittieħed.

“L-MHRA qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jassigura li dan l-Avviż Legali ma jservix ta’ toqba oħra fis-sistema u li tbiddel il-Belt  f’destinazzjoni oħra ta’ turiżmu tal-massa,” temmet tgħid l-istqarrija.

X’ġara fl-aħħar jiem?

Il-gazzetta ILLUM u s-sit tagħha, ilhom isegwu din il-kwistjoni mill-bidu nett u lbieraħ saħanistra staqsejna lill-Prim Ministru Robert Abela x’jaħseb dwar dan l-Avviż Legali u jekk setax jinħoloq aktar bilanċ.

Il-Prim Ministru wieġeb li l-Avviż Legali diġà jilħaq il-bilanċ mitlub għax wara l-11pm il-mużika trid tinżamm biss f’livell moderat, anke jekk ħadd, lanqas hu, mhu jispeċifika xi jfisser livell moderat.

Aqra wkoll:

More in Politika