Id-Deputati tal-PL tal-Ewwel Distrett jivvotaw favur mużika sas-1:00 a.m. fil-Belt Valletta

Il-ħames Deputati Laburisti tal-Ewwel Distrett jivvotaw mal-bqija tal-Gvern favur mużika fil-Belt wara l-11 p.m u sas-1:00 a.m.

Id-Deputati Laburisti tal-Ewwel Distrett għalqu widnejhom għall-kritika u t-tħassib tar-residenti Beltin u vvotaw mal-bqija tal-Grupp Parlamentari Laburista favur li l-mużika fil-Belt Valletta tibqa' wara l-11pm, xi ħaġa li ħarġet kontriha wkoll l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lis-sidien tar-ristoranti u l-lukandi.

Wara l-mozzjoni li tressqet mill-Oppożizzjoni, bil-għan li dan l-Avviż Legali jkun irrevokat u wara d-dibattitu Parlamentari li sar fl-aħħar jiem, illum ittieħed il-vot. Id-Deputati kollha tal-Partit Laburista vvotaw kontra li dan l-Avviż Legali jkun irrevokat filwaqt li dawk tal-Partit Nazzjonalista vvotaw favur.

L-Avviż Legali daħal fis-seħħ mingħajr l-ebda konsultazzjoni la mar-residenti u lanqas mal-komunità kummerċjali. Dan estenda l-mużika mill-istabbilimenti fuq barra, mill-11pm sas-siegħa ta' filgħodu. Il-problema hija li l-Avviż Legali huwa vag ħafna għax jgħid biss li wara l-11pm, il-mużika fuq barra trid tkun "moderata."

Dan is-sit kien staqsa direttament lill-Prim Ministru jekk hux lest li jidħol f'diskussjonijiet biex jinħoloq aktar bilanċ, iżda Robert Abela minnufih qal li l-bilanċ diġà ntlaħaq.

Il-gazzetta ILLUM kienet talbet ukoll il-pożizzjoni tad-Deputati Laburisti tal-Ewwel Distrett, jiġifieri dik tal-Ministru Aaron Farrugia, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti u d-Deputati Deo Debattista, Cressida Galea u Davinia Sammut Hili. Flok wieġbu direttament, il-gazzetta spiċċat irċeviet tweġiba komuni mill-Partit Laburista, anke jekk ma talbitx għaliha.

Min-naħa tiegħu, anke l-Kunsill Lokali Belti baqa' sieket fuq dan l-Avviż Legali minkejja li miegħu ma saritx konsultazzjoni, ħlief laqgħa waħda li għaliha, is-Sindku Alfred Zammit ma kienx preżenti. 

Għadd ta' residenti kienu telgħu bi ħġarhom għal-laqgħa tal-Kunsill Lokali dwar dan l-Avviż Legali li spiċċat iddeterjorat f'ħafna għajjat, tibsit u saħansitra ġlief bejn is-Sindku u l-Viċi Sindku Ray Azzopardi.

Aqra hawn aktar dwar ir-raportaġġ tal-ILLUM dwar dan is-suġġett:

More in Politika