'Is-sistema ġudizzjarja u l-infurzar għadhom 'il bogħod milli joffru protezzjoni kontra l-vjolenza domestika'

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tisħaq li filwaqt liu sar titjib, għad hemm ħafna xi jsir biex vittmi ta' vjolenza domestika verament iħossuhom protetti

"Il-femiċidju brutali ta’ Bernice Cassar, allegatament minn żewġha, huwa tfakkira qawwija li s-soċjetà u l-istituzzjonijiet tagħna għandhom triq twila quddiemhom biex jindirizzaw b’mod effettiv il-pjaga tal-vjolenza kontra n-nisa." Hekk sostniet fi stqarrija l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE).

L-istqarrija tfakkar illi kienu saru diversi rapporti li jitrattaw vjolenza domestika mill-vittma u fakkru li kien ċar illi hija kienet qiegħda tibża' għas-sigurtà tagħha u għas-sigurtà ta’ wliedha.

"Huwa ta’ niket kif ukoll allarmanti li, minkejja l-azzjonijiet kollha tagħha, Bernice Cassar inqatlet kiesaħ u biered fid-dawl tax-xemx. Is-sistema falliet lilha kif ukoll lin-nisa l-oħra kollha li l-esperjenzi tagħhom ta’ vjolenza u abbuż għadhom jiġu minimizzati jew miċħuda," kompliet tgħid l-istqarrija iebsa tal-NCPE sigħat biss wara li Rodrick Cassar kien arrestat mill-pulizija b'rabta ma' dan il-femiċidju. 

L-NCPE qalet illi minkejja l-avvanzi li jindirizzaw il-vjolenza fuq in-nisa, "l-appoġġ soċjali, l-infurzar tal-liġi u s-sistemi ġudizzjarji, għadhom ferm 'il bogħod milli jipproteġu b'mod adegwat lin-nisa mill-aggressuri li jwettqu vjolenza fuqhom."

L-NCPE fakkret li apparti l-bidla fil-liġijiet jrid ikun hemm ukoll bidla fis-soċjetà, fejn għad hawn irġiel li jħossuhom intitolati li jeżerċitaw poter fuq in-nisa, fejn ukoll isiru insulti u tentattivi biex mara tiġi umiljata jekk ma ssegwix l-isterjotip tradizzjonali tal-ġeneru. 

"Il-ġustizzja għal Bernice Cassar u għall-vittmi l-oħra kollha tal-femiċidju u l-vjolenza kontra n-nisa tinkiseb tassew biss meta l-istrutturi soċjali u istituzzjonali tagħna jibdew japprezzaw u jirrispettaw in-nisa u l-esperjenzi tagħhom b’mod ugwali."

Ara x'ġara ilbieraħ filgħodu, meta nqatlet Bernice Cassar

Ara x'ġara fis-sigħat bikrin ta' dalgħodu meta kien arrestat ir-raġel ta' Bernice

Ara x'qal il-Malta Women's Lobby u l-Partit Nazzjonalista dwar dan il-femiċidju

Ara x'qal il-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Jonathan Attard dwar dan il-każ

Ara x'qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

More in Qrati u Pulizija