'In-nisa jixraqilhom jgħixu 'l bogħod mill-biża' - Metsola f'appell imqanqal wara l-qtil ta' Bernice

Il-President Roberta Metsola isemmi l-każ ta' Bernice Cassar f'intervent fil-Parlament Ewropew

F'intervent qasir fi tmiem diskussjoni tal-Plenarja li trattat l-immigrazzjoni il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola appellat biex l-ebda mara fl-Ewropa ma tgħix fil-biża'. "In-nisa jixraqilhom li jgħixu 'l bogħod mill-biża'," sostniet Metsola hekk kif tkellmet dwar il-qtil ta' Bernice Cassar li ddeskrivietha bħala "eżempju ieħor ta' mara li inqatlet, sempliċiment għax hija mara."

"Ieqfu oqtlu lin-nisa. Ieqfu sawtu lin-nisa, Ieqfu abbużaw lin-nisa," sostniet il-President Metsola li qalet ukoll illi minkejja li Cassar kienet talbet għall-għajnuna u l-protezzjoni, "hi tħalliet waħedha."

Għalhekk kompliet issostni illi hemm bżonn ta' qafas li joffri l-protezzjoni meħtieġa, li hemm bżonn illi l-istituzzjonijiet ma jibqgħux 'għomja' u li kull pajjiż Ewropew jirratifika l-Konvenzjoni ta' Istanbul. Malta diġà hija firmatarja ta' din il-konvenzjoni, anke jekk ilbieraħ il-Malta Women's Lobby sostna li hemm bżonn li jitħaddem b'mod effettiv. 

"Suppost kellha tmur id-dar, suppost kellha tkun sikura, suppost ma kellhiex tinqatel," saħqet Metsola illi ddeskriviet lil dawk li jgħaddu minn esperjenza ta' vjolenza domestika bħala "eroj" 

Ilbieraħ filgħodu  Bernice Cassar inqatlet mir-raġel tagħha f'Raħal Ġdid, bl-akkużat imbagħad jingħalaq fid-dar tiegħu fejn hemm operazzjoni tal-pulizija damet għaddejja sas-sigħat bikrin ta' dalgħodu, meta Roderick Cassar kien arrestat

More in Politika