L-ADPD jwissu dwar l-effett fuq is-saħħa li jikkawżaw x-xogħolijiet fit-triq mġebbda

Residenti ta' Birżebbuġa jbatu minħabba l-ammont perikoluż ta' trab

Melissa Bagley (xellug) u Sandra Gauci (lemin) (Ritratt: ADPD)
Melissa Bagley (xellug) u Sandra Gauci (lemin) (Ritratt: ADPD)

L-ADPD ikkritika x-xogħlijiet t’ infrastruttura li għaddejjin bħalissa f’Birżebbuġa, u wissi dwar il-konsegwenzi fuq is-saħħa tar-residenti riżultat tad-dewmien u nuqqas ta’ ppjanar tajjeb.

Waqt konferenza stampa nhar is-Sibt fi Triq Birżebbuġa – li ilha magħluqa għat-traffiku għal diversi xhur – uffiċjali tal-partit saħqu fuq il-ħtieġa urġenti għal aktar koordinazzjoni, trasparenza, u rispett għas-saħħa u l-benesseri tar-residenti waqt xogħlijiet pubbliċi.

Melissa Bagley, viċi-chairperson tal-ADPD u kandidat għad-distrett elettorali ħames, qalet li filwaqt li l-partit jappoġġja titjib infrastrutturali meħtieġ, il-prattiki attwali ħafna drabi jinjoraw il-ħtiġijiet tal-komunità.

“ Hawnhekk ix-xoghol ilu għaddej xhur shah, u żgur mhux ta’ ġid għas-saħħa tar-residenti.  Huwa tajjeb li x-xoghol jkun ippjanat sew sabiex ma jiħux fit-tul u li jittieħdu miżuri sabiex it-trabijiet li jiġu ġġenerati ma jkunux ta’ skomdu u periklu għan-nies u l-ambjent in ġenerali,” qalet Bagley.

“L-iskomdu jaf jinħass aktar u aktar bħalissa, meta f’dawn il-jiem sħan tas-sajf, dak li jkun iħoss il-ħtieġa li jiftaħ tieqa għall-arja u ma jkunx jista’ minħabba t-trab li jispiċċa fid-djar u agħar minn hekk, f’imnifsejna.”

Hija wissiet li esponiment fit-tul għall-partikoli fini (PM2.5) ġġenerati minn xogħlijiet bħal dawn iwassal għal riskji serji għas-saħħa. “Huwa stmat li jmutu madwar 200 persuna fis-sena f’Malta kaġun ta’ tniġġis mill-partiċelli fini (PM 2.5). Huwa magħruf sew li t-tniġġis tal-arja kkawżat minn dawn il-partiċelli ghandu impatt fuq il-mard respiratorju kif ukoll il-mard tal-qalb” qalet Bagley.

Il-chairperson tal-ADPD, Sandra Gauci, ikkonfermat it-tħassib, u qalet li ħafna xogħlijiet oħra reċenti fit-toroq tlestew b’mod effiċjenti fi żmien ġimagħtejn, bi skadenzi ċari kkomunikati mal-kunsilli lokali u mar-residenti. “Il-problema bħas-soltu tqum meta tħalli n-nies fl-għama u fit-trab.
Dan hu li ġara hawn u kien ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ din it-triq”

Hija sejħet għal aktar responsabbilita' mill-awtoritajiet u l-kuntratturi. “F’pajjiżi Ewropej apparti l-permess tax-xogħol, tiġi ukoll ippubblikata l-ispiża, min se jħallas, meta se jibda x-xogħol u meta se jitlesta, kif ukoll in-numru ta’ ħaddiema li suppost ikunu fuq is-sit. Hemm bżonn din is-serjetà u kontabbiltà lejn iċ-ċittadini; b’hekk ma jħossuhomx li xi ħadd qed jgħaddihom biż-żmien u jħallihom fil-għama.” qalet Gauci.

ADPD appellat biex xogħlijiet infrastrutturali futuri jqisu kemm is-saħħa fiżika kif ukoll dik mentali tar-residenti fil-viċinanza, u enfasizzat li żvilupp sostenibbli m’għandux isir b’detriment għas-saħħa pubblika.

More in Politika