Ian Borg jappella lill-qasam tat-turiżmu sabiex jagħti prijorita' lil kwalita'

Borg jgħid dan waqt żjara f'Noru Hotel li qed tiċċelebra l-ewwel anniversarju

Ian Borg waqt iż-żjara tiegħu f'Noru Hotel
Ian Borg waqt iż-żjara tiegħu f'Noru Hotel

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, appella lill-operaturi fis-settur tal-akkomodazzjoni turistika biex jinvestu fil-kwalita' u s-sostenibbilta', sabiex Malta tkun tista’ taqbel mal-andamenti globali li qed jevolvu fil-qasam tal-ivvjaġġar.

Matul żjara li għamel fil-lukanda Noru Hotel f’San Ġiljan, stabbiliment ta’ erba’ stilel ta’ livell għoli li qed jiċċelebra l-ewwel anniversarju tiegħu u l-15,000 klijent, Borg faħħar l-impenn tal-lukanda li toffri esperjenzi ta’ livell għoli lill-vjaġġaturi.

Il-lukanda tinkludi 83 kamra, pixxini ġewwa u barra, spa, u żewġ venues għall-catering, u bħalissa qiegħda tippjana li tespandi id-ditta tagħha internazzjonalment, b’tieni lukanda Noru diġa' fi stadju ta’ żvilupp ġewwa Ispica, Sqallija.

Borg iddeskriva din l-inizjattiva bħala rappreżentattiva tal-viżjoni tal-gvern għall-industrija turistika, kif deskrit fil-Malta Tourism Strategy 2030 u Malta Vision 2050. Huwa saħaq li l-attenzjoni issa trid tkun fuq il-ġibda ta’ turiżmu ta’ valur miżjud ogħla, b’enfasi fuq żieda fl-infiq għal kull persuna, aktar milli fuq volum biss.

Il-gvern qed jappoġġja il-bidla tal-industrija lejn kwalita', qal Borg, u żied li l-kollaborazzjoni mal-imsħieba soċjali hija essenzjali biex jtjiebu l-istandards kemm fl-akkomodazzjoni kollettiva kif ukoll f’dik mhux kollettiva.

Huwa semma li l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu (MTA) qed tkompli tapplika standards regolatorji b’rigorożita, b’aktar minn 7,000 spezzjoni mwettqa fl-2024 biex tiġi żgurata l-konformita' u jiġu indirizzati l-ilmenti kemm tal-viżitaturi kif ukoll tal-pubbliku.

More in Politika