Editorjal | Ristoranti, VAT u PN li ma jinbidilx

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg reġa’ ressaq proposta biex jitnaqqas il-VAT fuq ir-ristoranti u l-kjosks minn 18% għal 7%, miżura li ilha tiġi mwegħda mill-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li hija milqugħa mis-settur tal-catering, tqajjem dubji dwar jekk hix tassew se tgħin lill-konsumaturi jew biss lill-operaturi tan-negozju

Alex Borg dil-ġimgħa reġa’ sostna li jekk il-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss, fi żmien 100 ġurnata jnaqqas il-VAT għar-ristoranti u l-kjosks minn 18% għal 7%. 

Din mhix l-ewwel darba li l-PN għamel din il-wegħda. F’Diċembru 2021, bil-pajjiż jirreġistra żieda mgħaġġla fil-każijiet ta’ COVID-19, il-PN kien ippropona li l-VAT għar-ristoranti u bars tonqos għal 7% bħal fil-każ tal-lukandi, fid-dawl tal-impatt li l-COVID-19 kien qed ikollu fuq is-settur tal-catering u t-turiżmu. Din il-wegħda kien rega’ għamilha Bernard Grech fil-kampanja elettorali tal-2022. 

Lil Alex Borg donnha togħġbu dil-proposta, għax meta laħaq Kap tal-PN f’Settembru tas-sena l-oħra mill-ewwel semma t-tnaqqis fil-VAT għar-ristoranti. 

Ovvjament, lill-Association of Catering Establishments (ACE) għoġbithom ukoll. Laqgħu l-istqarrija ta’ Borg, bħallikieku kienet l-ewwel darba li tqajmet, u qalu li jixtiequ jiltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex jifhmu kif beħsiebu jimplimentaha jekk jilħaq Prim Ministru. 

Mhix sorpriża li assoċjazzjoni li tirrappreżenta r-ristoranti taqbel li jitnaqqas il-VAT miġbur mis-settur. Dejjem jissemmew l-ispejjeż li jaffaċċjaw sidien ta’ stabbilimenti tal-catering: pagi, materjal prim, xorb, il-propjetà, kontijiet u d-deliveries. 

Meta Borg jinsisti fuq din il-proposta, f’moħħu għandu biss lill-imprendituri sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel. Għax anke hu jaf li din il-miżura maħsuba biex tgħin lir-ristoranti imma ftit li xejn lill-konsumatur.   

Għax, ngħiduha kif inhi, m’hemm l-ebda intenzjoni li l-flus li jiġu ffrankati mill-VAT jgħaddu għand il-klijent u mhux imorru għal għand ir-ristoranti.  

Veru li Malta għandha fost l-ogħla rati ta’ VAT għar-ristoranti, iżda veru wkoll li pajjiżi naqqsu r-rata tagħhom għax kellhom kriżi fil-qasam tal-attendenza fir-ristoranti. Pajjiżi bħall-Kroazja, il-Portugall, Franza, Spanja, l-Italja u issa anke l-Ġermanja. 

F’pajjiżna din il-kriżi ma teżistix. Teżisti forsi kriżi ta’ standards u konsistenza, imma mhux ta’ interess min-nies biex iżuru r-ristoranti.  

More in Politika