Robert Abela jagħżel li ma jikxef l-ebda karti

Ħadd mill-grupp intern tal-Labour mhuwa ċert jekk Abela hux se jsejjaħ elezzjoni bikrija  

 

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qed iżomm il-karti ma’ sidru hekk kif kulħadd madwaru qed jeħodha li jista’ jkun li jsejjaħ elezzjoni f’Mejju jew f’Ġunju, jew anke f’Novembru jew f’Marzu tas-sena d-dieħla.  

“Aħna lesti biex immorru għal elezzjoni issa jekk hemm bżonn,” qalilna uffiċjal tal-Partit Laburista, “… imma ma nafux jekk il-Prim hux ħa jiddeċiedi issa.” 

Hemm ħafna fatturi li jistgħu jwasslu jekk Abela jagħżilx elezzjoni bikrija. L-ewwel waħda hi li bħalissa għandu vantaġġ fuq il-PN, għax Abela jaf li l-kap tal-PN Alex Borg jidher li għadu ma għaqqadx it-tim tiegħu. 

It-tieni raġuni hija li jista’ jkun li jissejjaħ il-ġuri ta’ Yorgen Fenech, mixli li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li jista’ jkollu riperkussjonijiet koroh fuq il-Labour. 

It-tielet raġuni hija l-gwerra fl-Iran li tista’ twassal għal riċessjoni li tista’ tħalli impatt negattiv fuq il-prezzijiet tal-ikel. 

“Robert Abela jrid bil-kbir li jkollu maġġoranza komda u l-agħar ħaġa li jista’ jiġrilu hi li jagħmel ħames snin b’maġġoranza skomda u jkollu problema biex jiggverna,” qalilna l-istess uffiċjal tal-partit. 

Mill-aspett l-ieħor hemm min jargumenta li Robert Abela għandu jagħmel il-ħames snin sħaħ u jserraħ fuq il-fatt li bħala tim għandu wċuħ aktar kredibbli u b’esperjenza minn ta’ Alex Borg, u li mis-sondaġġi Borg għadu ma ċċaqlaqx minn fejn kien. 

“Qisha logħba poker. Imma li huwa żgur hi li l-Maltin jafu li – bid-difetti kollha – il-Labour huwa iktar investiment fis-sod mill-PN, u jekk l-ekonomija tibqa’ għaddejja anke fid-dell tal-gwerra, Abela punti biss jista jirbaħ,” qalilna dan il-kuntatt fil-Labour. 

Minkejja kollox, iż-żewġ partiti politiċi xorta huma fl-eqqel ta’ preparamenti kbar għall-elezzjoni. Min-naħa tal-għażla tal-kandidati, m’hemmx ismijiet spettakulari. U ż-żewġ partiti qed jiddependu fuq l-ismijiet ta’ parlamentari li diġà huma stabbiliti. Imma jidher li l-PN għandu problema ikbar biex isib nies ta’ ċertu kalibru. 

“L-ebda partit ma jidher li sab xi star candidate li jispikka,” qalilna l-istess kuntatt. “Issa rridu naraw meta tibda l-kampanja, jekk il-kampanja tkunx marbuta ma’ immaġini presidenzjali (jiġifieri Abela kontra Borg) jew inkella tim kontra tim.” 

 

 

More in Politika