Il-Prim Ministru Robert Abela kompla jagħti x’jifhem li se jsejjaħ elezzjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Waqt attività politika f’Birżebbuġa l-Ħadd li għadda Abela qal li ‘jiġu ż-żmien... meta naqsmu magħkom il-manifest il-ġdid tal-PL’. Indika li t-tema jew il-mira tal-proposti fil-manifest hija li jwassal għal ‘prosperità ġdida’. Terminu vag li jista’ jfisser ħafna imma fl-istess ħin ftit jindika d-direzzjoni tal-politika ‘ġdida’ tal-partit.
Tradizzjonalment il-manifesti elettorali jiġu żvelati pjuttost tard waqt kampanja elettorali, x’aktarx biex il-partiti ma jikxfux idejhom kmieni u biex jevitaw diskussjoni fit-tul fuq temi speċifiċi. Minflok jippreferu jikkonċentraw fuq slogans qosra u attakki politiċi fuq xulxin biex joħorġu xi differenzi li jista’ jkun hemm bejniethom.
Mid-diskors tal-Ħadd ta’ Robert Abela jidher li l-prim ministru qed jipponta li jikkonvinċi lill-elettorat li waqt kriżi internazzjonali hu u l-partit tiegħu huma l-par idejn sodi li l-elettorat jista’ jafda fi żminijiet diffiċli. Dan huwa eku tal-istrateġija tal-PN taħt l-eks-prim ministru Lawrence Gonzi li wkoll kien jisħaq li waqt mewġ ekonomiku u kriżijiet bħal dik fil-Libja kienu l-‘par idejn sodi’ li għandu bżonn il-pajjiż.