Mara nqatlet fi sparatura li seħħet fiż-żona industrijali ta' Kordin, fuq wara tal-binja tal-MCAST u l-eks Liċeo ta' Kordin.
Diversi tiri ta' arma tan-nar instemgħu fiż-żona wara inċident tat-traffiku li skont il-Pulizija seħħ ftit qabel it-8am.
Ftit wara l-inċident il-Pulizija kkonfermaw li nqatlet mara ta' 40 sena mill-Qrendi u li ġiet identifikata bħala Brenice Cassar. Hija omm ta' żewġt itfal.
Minn tal-inqas tliet tiri ġew sparati minn vettura oħra li ħarbet minn fuq il-post.
Il-vittma kienet ikkonfermata mejta fuq il-post, b'ġisimha jitgħatta b'liżar abjad biswit il-vettura tagħha.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma' dan is-sit fil-Qrendi nstabet il-karozza li allegatament intużat mis-suspettat. Is-suspettat jinsab imsakkar id-dar u huwa armat b'arma tan-nar.
Skont rapporti u anke sorsi differenti, is-suspettat huwa l-eks sieħeb tal-vittma li wara d-delitt ħalla wkoll xi messaġġi fuq Facebook, wieħed minnhom indirizzat lit-tfal tiegħu u tal-vittma.
Pulizija mill-Ispecial Intervention Unit jinsabu fuq il-post u għaddejin b'operazzjoni delikata bil-għan li jikkonvinċu lis-suspettat joħroġ mid-dar.
Fuq il-post tad-delitt għad hemm preżenza qawwija ta' Pulizija li żammew lill-qraba tagħha li marru minnufih fuq il-post.
Uħud mill-qraba bdew jgħajtu li sa ftit tal-jiem ilu stess, il-vittma għamlet rapporti dwar vjolenza domestika.
Dan l-artiklu qed ikun aġġornat