Ħadd ma weġgħa wara li waqgħa bini f'Paceville

Ir-residenti ġew evakwati wara li kien hemm tħassib rigward il-qagħda tal-binja

Il-Bini mġarraf f'Paceville (Ritratt: BCA)
Il-Bini mġarraf f'Paceville (Ritratt: BCA)

L-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) fetħet investigazzjoni uffiċjali wara li waqgħa bini fiċ-ċentru ta’ Paceville tard l-Erbgħa filgħaxija fejn ma weġgħa ħadd.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:30pm fi Triq Paceville, San Ġiljan, u fuq il-post marru l-Pulizija kif ukoll il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Fuq is-sit kien hemm żvilupp għaddej minn Excel Developments, kumpanija ta’ Joseph Portelli, Mark Agius u Daniel Refalo. Agius hu mnieżżel bħala l-iżviluppatur tal-proġett. Ix-xogħlijiet ta’ twaqqiegħ fuq sit fil-viċin ġew konklużi f’April, u ma kienx għaddej ebda xogħol fil-ħin tal-waqgħa.

Qabel, is-sit kien jospita r-ristorant popolari ‘The Avenue’.

Il-kumpanija kienet ingħatat permess biex twettaq xogħol ta’ twaqqiegħ lejn l-aħħar ta’ Marzu, bħala parti minn permess biex is-sit jitnaddaf u tinbena lukanda ta’ 125-il kamra. Hemm ukoll applikazzjoni pendenti oħra quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar li tipproponi bini ta’ diversi appartamenti minflok.

Il-bini affettwat, li kien biswit sit ta’ kostruzzjoni, kien diġà ġie mħarrek b’ordni mill-BCA nhar it-Tlieta sabiex jieqaf ix-xogħol wara spezzjonijiet.

Ir-residenti ġew mitluba jevakwaw il-bini minħabba tħassib rigward is-sigurtà tar-residenti stess.

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kienet ukoll wettqet spezzjonijiet u rrappurtat ir-riskji involuti.

Excel Trading Limited, ukoll ta’ Joseph Portelli, qalet li l-waqgħa ma seħħitx minħabba xi xogħol magħmul minnha. 

Il-perit tagħha, Glenn Zammit, kien innota difetti viżibbli fuq Tania Flats u immedjatament beda jikkonsulta mal-proprjetarji u l-periti preċedenti. Il-laqgħa saret nhar it-Tnejn u fiha ħareġ li l-bini kellu problemi strutturali antiki. Minnufih inħareġ avviż ta’ waqfien bħala prekawzjoni.

Excel qalet li, flimkien mal-perit tagħha u l-periti tal-bini Tania Flats, iddeċidew li l-kundizzjoni kienet marret għall-agħar u ġiet ordnata evakwazzjoni urġenti. 32 persuna ġew evakwati. Il-kumpanija qalet li dan kien pass li salva ħajjiet.

Excel għamlet enfasi li qed tikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet u se tkompli timxi mal-istruzzjonijiet kollha filwaqt li tappoġġja l-investigazzjoni f’din il-kwistjoni.

More in Kronaka