“L-art pubblika hija tal-pubbliku” – Graffitti titlob azzjoni immedjata fuq il-każ ta’ Carlo Stivala

L-għaqda tgħid li l-enforcement u l-avviż ta’ żgumbrament tal-PA u l-Lands Authority mhumiex biżżejjed jekk l-okkupazzjoni tibqa’ għaddejja • Twissi li n-nies jistgħu jispiċċaw jiddefendu huma stess spazju pubbliku jekk l-awtoritajiet ma jaġixxux

Moviment Graffitti qed jakkuża lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità tal-Artijiet li qed jinħbew wara proċeduri li, skont l-għaqda, mhumiex effettivi biżżejjed biex itemmu minnufih l-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika barra r-ristorant Piccolo Padre f’Tas-Sliema.

Fi stqarrija maħruġa l-Ħamis, l-għaqda qalet li jekk l-okkupazzjoni ma tintemmx minnufih, in-nies jistgħu jispiċċaw ma jkollhomx għażla ħlief jiddefendu huma stess dak li jappartjeni lill-pubbliku.

Il-każ jikkonċerna ż-żona barra Piccolo Padre, parti mill-lukanda ta’ Carlo Stivala, fejn madwar ġimagħtejn ilu twaqqfet struttura fuq il-bankina pubblika.

L-okkupazzjoni kienet qajmet reazzjoni qawwija minn residenti, għaqdiet, membri tal-pubbliku u l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.

Fit-2 ta’ Ottubru, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet ordnat it-tneħħija tal-istruttura, li kienet tinkludi żona b’imwejjed u siġġijiet, tinda u planters fuq parti tax-Xatt li kienet diġà ġiet pavimentata mingħajr permess.

Aktar tard, l-Awtorità tal-Artijiet ħarġet ukoll avviż ta’ żgumbrament ta’ 30 jum li jordna lil Stivala jbattal l-art pubblika okkupata.

Wara pressjoni pubblika, it-tinda tneħħiet. Madankollu, Moviment Graffitti qed tgħid li l-bqija tal-okkupazzjoni għadha hemm u li, fil-fehma tagħha, l-użu kummerċjali tas-sit saħansitra intensifika.

L-għaqda kkritikat liż-żewġ awtoritajiet u qalet li għandhom storja dgħajfa ta’ infurzar, b’irregolaritajiet li, skontha, jitħallew ikomplu għal żmien twil, speċjalment meta jkunu involuti persuni b’riżorsi u influwenza.

Moviment Graffitti sostniet li l-problema tal-ippjanar f’Malta mhix sempliċement frott ta’ nuqqas ta’ għarfien jew traskuraġni, iżda ta’ sistema li, fil-fehma tagħha, tiffavorixxi lill-iżviluppaturi għad-detriment tad-drittijiet tal-pubbliku.

L-għaqda qalet ukoll li residenti u organizzazzjonijiet spiss jiltaqgħu ma’ nuqqas ta’ koperazzjoni meta jitolbu informazzjoni dwar l-okkupazzjoni ta’ spazji pubbliċi, u allegat li mistoqsijiet u talbiet leġittimi jiġu injorati jew miċħuda.

Graffitti fakkret ukoll fil-kampanja Ġustizzja għal Artna, fejn f’April kienet identifikat ir-riforma tal-infurzar bħala wieħed minn erba’ oqsma li jeħtieġu azzjoni urġenti.

L-għaqda rreferiet ukoll għall-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg, u kkritikat il-fatt li għadu fil-kariga minkejja sejħiet biex jirriżenja wara l-pubblikazzjoni ta’ chats bejnu u Yorgen Fenech.

Moviment Graffitti sostniet li l-każ ta’ Piccolo Padre huwa eżempju ta’ problema usa’ dwar kif spazji pubbliċi qed jittieħdu minn attivitajiet kummerċjali, kemm b’mod legali kif ukoll illegali, waqt li l-infurzar jibqa’ dgħajjef.

“L-art pubblika hija tal-pubbliku,” qalet l-għaqda, filwaqt li talbet azzjoni immedjata biex tintemm l-okkupazzjoni.

 

More in Kronaka