Mawra fil-memorja: X’kien inkiteb fl-ILLUM fil-passat?

F’sensiela ġdida bl-isem ‘Mawra fil-memorja,’ se nkunu qed inħarsu xi nkiteb fil-gazzetta ILLUM fil-passat. F’dil-edizzjoni, qed nipproduċu l-editorjal tas-6 ta’ Mejju 2007 bit-titlu ‘L-impjegati u l-investiment’.

Lil hinn mill-kontroversji u l-iskandli li tappnu l-bini tal-isptar il-ġdid tul is-snin tefa’ problema ikbar mill-Lm250 miljun li se jkun sewa lill-Kaxxa ta’ Malta. 

Minkejja li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna hu wieħed tajjeb skont ċertifikazzjonijiet internazzjonali jeżistu problemi kbar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dewmien biex pazjent jinqeda. Jeżistu wkoll problemi ta’ attitudnijiet ħżiena minn xi wħud mill-impjegati fis-settur mediku frott tal-kundizzjonijiet xejn tajba li jaħdmu fihom. Jeżistu wkoll problemi ta’ tobba u konsulenti li jisparixxu wara ċertu ħin. 

Dawn il-problemi mhux se jissolvew sempliċement għax pajjiżna se jkun qed iżanżan sptar modern. Hu minnu li t-teknoloġija li se tkun mgħammra biha Mater Dei tista’ tgħin biex jitħaffu ċerti proċessi u jitjiebu ċerti sistemi iżda l-iktar ħaġa kruċjali f’dan l-istadju hu l-impjegati li se jkunu qed iħaddmu dan l-investiment kbir. 

S’issa għadna ma nafux fiex waslu d-diskussjonijiet mat-tobba, mal-infermiera u l-kategoriji l-oħra ta’ ħaddema fl-isptar. Jekk irridu nagħmlu l-aqwa użu mill-investiment li sar f’Mater Dei, iridu jinbidlu ċerti prattiċi ta’ xogħol, jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddema. 

Minn dan kollu ma smajna xejn ħlief il-garr tal-unions li għadhom fil-għama dwar x’se jsir. 

Jekk il-migrazzjoni minn San Luqa għal Mater Dei se tkun sempliċement ċaqliq ta’ pazjenti u files fi swali u kmamar iktar moderni iżda l-bqija se jibqa’ kollox l-istess, allura se niġu ċikkubriku. 

Sfortunatament il-Gvern ħalla wisq għat-tard biex jiddiskuti l-kundizzjonijiet tax-xogħol u diffiċli nifhmu kif minn issa sal-1 ta’ Lulju se jintlaħaq ftehim mal-unions kollha rappreżentati fl-isptar. 

Ftehim bħal dan hu kruċjali għax jagħmel impatt fuq in-nefqa totali biex jitmexxa l-isptar il-ġdid. U hawnhekk hu l-inkwiet ta’ ħafna. Se jkun possibbli li l-isptar u s-servizzi offruti nżommuhom bla ħlas għal kulħadd? Jew minflok se jkollna għalfejn inżidu l-bolla għal kulħadd biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fl-ispiża? 

Forsi t-tlellix tal-ftuħ u l-qabża kbira fil-kwalità li se nesperjenzaw minn hawn u ftit ieħor se jgħammxulna għajnejna għall-bidu. Iżda fl-aħħar mill-aħħar. ir-realtà se tigdem u bilfors ikollna naraw x’se nagħmlu, ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern. 

Dibattitu matur 

Għal min segwa d-dibattitu bejn iż-żewġ kontestanti għall-presidenza Franċiża nhar l-Erbgħa li għadda, seta’ jinnota dibattitu interessanti dwar temi soċjali, politiċi, ekonomici u ambjentali fuq linji ta’ ħsieb differenti minn xulxin fejn il-kwistjoni u mhux l-immaġini iddominaw id-diskors. 

Kien dibattitu politiku mili ’l bogħod mid-dibattiti politiċi li jkollna f’Malta fejn ħafna drabi s-sustanza tispiċċa tindifen taħt manuvrar orkestrat għall-kameras. 

Segolene Royal u Nicolas Sarkozy ippreżentaw żewġ viżjonijiet ta’ kif jixtiequ jaraw lis-soċjetà Franċiża tiżviluppa fis-snin li ġejjin. Huma żewġ viżjonijiet ispirati mill-ideoloġiji li jsawru l-bażi politika tagħhom. 

Illum il-Franċiżi jafu għal xiex se jivvutaw. Jagħżlu lil min jagħżlu biex imexxihom għall-ħames snin li ġejjin, id-dibattitu ta’ nhar l-Erbgħa qanqal it-tama li l-battalja politika tista’ tkun miġġielda fuq kwistjonijiet u s-soluzzjonijiet għalihom u mhux biss fuq livell ta’ immaġini. 

Jidher li l-Franċiżi dan li riedu u wara d-dibattitu se jagħmlu l-għażla skont il-kontenut u mhux il-pożi. 

More in Kronaka