Nuqqas ta’ LSEs: bejn ir-realtajiet tal-ġenituri u l-ispjegazzjoni tal-Ministeru

Filwaqt li l-Ministeru jassigura li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ LSEs huma “ikkontrollati”, l-esperjenzi ta’ kuljum fil-klassi juru realtà ferm aktar kumplessa għat-tfal u l-familji

Il-kritika dwar nuqqas ta’ Learning Support Educators fl-iskejjel kompliet tiżdied hekk kif ġenituri rrappurtaw li wliedhom, studenti li jeħtieġu appoġġ one to one, qed iqattgħu perjodi twal mingħajr LSE. F’rapport minnhom, omm kitbet fuq il-midja soċjali u qalet li ġiet avżata li ma tistax tibgħat lit-tifel l-iskola jew għall-ħarġiet jekk ma jkunx hemm min jakkumpanjah.

Fid-dawl ta’ dawn l-ilmenti, il-gazzetta tkellmet direttament mal-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima li ta l-istampa tiegħu dwar is-sitwazzjoni. Il-Ministru qal li bħalissa hemm sitt studenti full-time one-to-one li kellhom perjodi ta’ nuqqas ta’ LSE “minħabba ċirkustanzi operattivi”, iżda enfasizza li “f’dawn il-każijiet, l-iskejjel qatt ma jħallu lit-tfal waħedhom”. Skontu, LSEs oħra ġew assenjati temporanjament biex jiżguraw li t-tfal vulnerabbli ma jibqgħux mingħajr appoġġ.

Il-Ministru żied jgħid li l-proċess ta’ ingaġġ ta’ LSEs huwa kontinwu: il-call għadha miftuħa, l-interviews isiru regolarment, u xi drabi b’żewġ bordijiet simultanjament. “Sa din il-ġimgħa stess,” qal, “ġie ppubblikat riżultat ta’ sejħa uffiċjali li jfisser ingaġġ ta’ LSEs ġodda.”

Dwar outings skolastiċi, il-Ministru spjega li studenti li jeħtieġu LSE jiġu akkumpanjati “dejjem u bilfors”, u fejn LSE jkun marid jew assenti, tintbagħat persuna oħra fejn possibbli. Għal każijiet sensittivi, il-Ministeru jgħid li jingħata appoġġ addizzjonali lill-familji, bħal social stories jew żjarat ta’ qabel.

Interessanti hu, il-Ministru qal li mhuwiex infurmat b’każijiet fejn ġenituri ġew direttament mitluba biex ma jibagħtux lit-tfal l-iskola minħabba nuqqas ta’ LSE, u saħaq li meta LSE full-time ma jkunx disponibbli, l-iskejjel għandhom id-dover jassenjaw alternattiva.

Hu ammetta li jifhem it-tħassib tal-ġenituri u qal li l-Ministeru “se jibqa’ kommess li jsaħħaħ ir-riżorsi u jżid il-komunikazzjoni mal-familji”.

Għalkemm il-Ministeru jippreżenta stampa li l-problema hija “kkontrollata”, il-ġenituri qed isostnu li r-realtà fil-klassi hija iktar kumplessa: tfal li jitilfu sigħat sħaħ ta’ tagħlim, familji li jridu jibqgħu lura mix-xogħol, u studenti vulnerabbli li jieqfu minn parteċipazzjoni għal nuqqas ta’ sapport.

Madankollu, il-kontradizzjoni bejn esperjenzi ta’ kuljum fil-klassi u l-istampa li jippreżenta l-Ministeru tibqa’ ċara. Filwaqt li fuq il-karta hemm proċessi, protokolli u impenn, fuq l-art hemm ġenituri li jħossu li għadhom qed jimlew vojt li m’għandhomx jimlew: vojt ta’ komunikazzjoni, ta’ konsistenza u ta’ sens ta’ ċertezza. U f’din il-kwistjoni, m’hemmx lok għal żmien — għaliex kull ġurnata mingħajr appoġġ mhijiex statistika, iżda telf reali għal tfal li għandom dritt jikbru, jitgħallmu u jkunu inklużi bħal ħaddieħor.

Il-konverżazzjoni issa tibqa’ miftuħa bejn żewġ realtajiet li jridu jiltaqgħu: dik tal-familji li jaraw l-effetti kuljum, u dik tal-Ministru li jassigura li l-iskola tibqa’ spazju sikur u inklużiv għall-istudenti kollha.

More in Kronaka