Malta mistennija toħroġ uffiċjalment mill-proċedura tad-defiċit eċċessiv tal-Unjoni Ewropea wara li rnexxielha tnaqqas id-defiċit tagħha taħt il-limitu stabbilit mill-UE, sentejn qabel iż-żmien previst.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan ir-riżultat huwa frott deċiżjonijiet ekonomiċi meħuda mill-Gvern sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fl-2020, meta l-pajjiż għażel li jappoġġja lill-familji u lin-negozji minflok jadotta miżuri ta’ awsterità.
Abela sostna li filwaqt li dik l-istrateġija ġabet magħha spiża immedjata għall-finanzi pubbliċi, hija ppermettiet lill-ekonomija Maltija tibqa’ tikber u tkun aktar reżiljenti quddiem kriżijiet sussegwenti, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna, il-kriżi enerġetika u ż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali.
Il-Prim Ministru qal li Malta llum qed tirreġistra wieħed mill-inqas livelli ta’ defiċit fl-Ewropa, filwaqt li żammet stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u s-servizzi essenzjali. Huwa sostna wkoll li l-Gvern se jibqa’ ffukat biex inaqqas il-piż tad-dejn pubbliku għal madwar 40% tal-ġid nazzjonali matul din il-leġiżlatura.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana spjega li Malta kienet daħlet fil-proċedura tad-defiċit eċċessiv fl-2024 flimkien ma’ diversi Stati Membri oħra, iżda rnexxielha tnaqqas id-defiċit għal 2.2% fi żmien sentejn biss.
Caruana qal li l-pajjiż kien għażel il-mekkaniżmu li bih id-defiċit kellu jitnaqqas fi żmien erba’ snin, iżda rnexxielu jilħaq il-mira ferm aktar kmieni. Huwa nnota li filwaqt li Malta qed toħroġ mill-proċedura, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li sa s-sena d-dieħla madwar nofs il-pajjiżi membri tal-UE se jkunu għadhom taħtha.
Il-Ministru sostna li l-projezzjonijiet tal-Gvern juru li d-defiċit se jkompli jonqos fis-snin li ġejjin, anke filwaqt li jiġu implimentati l-miżuri mwiegħda fil-manifest elettorali. Huwa qal li l-finanzi pubbliċi qed jibqgħu sostenibbli grazzi għal tkabbir ekonomiku qawwi u żieda fid-dħul tal-Gvern.
Abela qal li s-saħħa fiskali tal-pajjiż se tippermetti lill-Gvern iwettaq diversi miżuri ġodda, fosthom aktar għajnuna lill-familji, investiment fl-IVF, inċentivi għal first-time buyers, estensjoni tal-leave għall-ġenituri u proġetti infrastrutturali u ambjentali ewlenin.
Il-Prim Ministru sostna li r-riżultat miksub huwa konferma tal-fiduċja li l-poplu reġa’ ta lill-Gvern fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet u qal li Malta tinsab f’pożizzjoni b’saħħitha biex tkompli tinvesti fil-kwalità tal-ħajja tan-nies filwaqt li żżomm finanzi pubbliċi stabbli.