Il-General Workers’ Union (GWU) u l-Malta Development Association (MDA) saħqu li t-tagħlim tekniku u prattiku għandu jingħata l-istess rikonoxximent u rispett bħall-edukazzjoni akkademika, fid-dawl tal-proposta tal-gvern għal skola sekondarja vokazzjonali.
Il-proposta tħabbret nhar it-Tlieta mill-Ministru għall-Edukazzjoni Byron Camilleri, qabel it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika formali dwar il-possibbiltà li titwaqqaf skola ta’ dan it-tip.
Il-GWU qalet li wara kull industrija, servizz u post tax-xogħol hemm ħaddiema li l-ħiliet tagħhom, miksuba u mħarrġa tul is-snin, huma essenzjali biex il-pajjiż jibqa’ miexi.
Skont il-union, dawn il-ħiliet jistħoqqilhom rikonoxximent, investiment u rispett, u m’għandhomx jitqiesu bħala alternattiva inferjuri għall-kisbiet akkademiċi.
Il-GWU qalet li kull student li juri talent f’xogħol prattiku, tekniku jew vokazzjonali għandu jingħata triq edukattiva li tgħinu jiżviluppa dak it-talent, bl-istess livell ta’ serjetà, kwalità u opportunitajiet għall-futur bħal studenti oħra.
Il-union, li tirrappreżenta eluf ta’ ħaddiema f’oqsma tekniċi u snajja’, qalet li l-esperjenza ta’ dawn il-ħaddiema turi li ħiliet prattiċi jistgħu jwasslu għal karrieri sodisfaċenti, imħallsa tajjeb u rispettati.
Madankollu, il-GWU saħqet li kwalunkwe triq edukattiva ġdida għandha titfassal b’kontribut ġenwin mill-ħaddiema, il-unions u l-industrija, u mhux sempliċement tkun ibbażata fuq mudelli li ntużaw fil-passat.
Qalet li l-kwalità, id-dinjità u opportunitajiet reali għandhom ikunu fil-qalba ta’ kwalunkwe riforma, biex l-ebda student li jagħżel din it-triq ma jħoss li t-talenti tiegħu jiswew inqas minn dawk ta’ ħaddieħor.
L-MDA tilqa’ r-ritorn tal-iskejjel tas-snajja’
L-MDA wkoll laqgħet il-proposta tal-gvern biex jerġgħu jiddaħħlu skejjel vokazzjonali u tas-snajja’, u qalet li ilha għal snin tappella għal inizjattiva bħal din.
Il-President tal-MDA Michael Stivala qal li dawn l-iskejjel jistgħu joħolqu opportunitajiet importanti għal żgħażagħ li huma aktar adattati għal tagħlim prattiku u tekniku.
Huwa saħaq li l-għażla ta’ sengħa qatt m’għandha titqies bħala inferjuri għal karriera akkademika, u li ħaddiema tas-sengħa huma professjonisti li jistħoqqilhom l-istess rispett u inkoraġġiment.
L-MDA qalet li s-sistema edukattiva għandha tirrikonoxxi li l-edukazzjoni akkademika mhix l-unika triq lejn karriera ta’ suċċess u li ż-żgħażagħ għandhom abbiltajiet u talenti differenti.
Semmiet fost l-oħrajn electricians, plumbers, bennejja, mastrudaxxi u technicians bħala professjonijiet essenzjali għall-ekonomija, li jistgħu joffru prospetti tajbin ta’ karriera, indipendenza finanzjarja u opportunitajiet biex persuna tiftaħ in-negozju tagħha stess.
L-assoċjazzjoni qalet ukoll li skejjel tas-snajja’ għandhom jirriflettu l-ekonomija tal-lum billi jgħaqqdu s-snajja’ tradizzjonali ma’ oqsma bħall-kostruzzjoni moderna, l-elettriku, il-mekkanika, l-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji ġodda.
Kemm il-GWU kif ukoll l-MDA qalu li huma lesti jipparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposta.