Il-ġenituri li jaħdmu għal rashom issa se jkunu intitolati għal parental leave bl-istess kundizzjonijiet bħall-impjegati, wara li daħlet fis-seħħ miżura mħabbra fil-Budget 2026.
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali qal li l-leave imħallas se jingħata bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Ir-rata se tkun ekwivalenti għar-rata tal-miżżewġin stabbilita għall-Benefiċċju tal-Mard fis-sena li fiha jittieħed il-parental leave.
Il-miżura tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2026 u tinkludi wkoll ġenituri self-employed li jadottaw jew irabbu tfal b’foster care.
Il-ġenituri eliġibbli għandhom dritt għal erba’ xhur parental leave jew adoption leave għal kull wild, li jridu jittieħdu qabel it-tifel jew tifla jagħlqu tmien snin.
L-ewwel xahrejn, jiġifieri tmien ġimgħat, huma mħallsa u ma jistgħux jiġu trasferiti minn ġenitur eliġibbli għal ieħor. Bil-miżura l-ġdida, il-ġenituri li jaħdmu għal rashom se jkunu jistgħu jirċievu wkoll il-benefiċċju korrispondenti matul dan il-perjodu.
Ix-xahrejn l-oħra mhumiex imħallsa iżda jistgħu jiġu trasferiti bejn il-ġenituri. Dan jista’ jsir ukoll meta ġenitur ikun self-employed u l-ieħor ikun impjegat. Għal dan il-perjodu ma jingħata l-ebda benefiċċju jew leave imħallas.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon qal li l-miżura se tkompli tħeġġeġ aktar flessibbiltà u bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja għal dawk li jaħdmu għal rashom.
Huwa qal li dan għandu jikkontribwixxi għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji, filwaqt li sostna li l-gvern se jkompli jsaħħaħ id-drittijiet soċjali permezz ta’ miżuri inklużi fil-manifest elettorali tiegħu.