Kabinet ġdid, prijoritajiet ġodda: Abela jħabbar il-kabinet


Il-Prim Ministru Robert Abela għażel il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li se jmexxu l-pajjiż fil-leġiżlatura l-ġdida, b’numru ta’ bidliet fil-portafolli u diversi promozzjonijiet għal membri ġodda tal-Kabinett.

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-kompożizzjoni tal-Kabinett il-ġdid li se jmexxi lill-pajjiż wara r-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tat-30 ta’ Mejju.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, ġie spjegat li l-għażla tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari saret bil-għan li jitkompla l-implimentazzjoni tal-programm elettorali tal-Gvern filwaqt li tingħata aktar importanza lill-kwalità tal-ħajja, it-tkabbir ekonomiku u setturi ġodda meqjusa bħala prijorità.

Fost l-aktar bidliet li jispikkaw hemm il-ħatra ta’ Ian Borg bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, filwaqt li Chris Fearne se jmexxi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Glenn Bedingfield jidħol għall-ewwel darba fil-Kabinett bħala Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, filwaqt li Byron Camilleri jħalli dan il-portafoll biex jieħu r-responsabbiltà tal-Edukazzjoni u l-Isport.

Bidla oħra sinifikanti hija dik ta’ Jonathan Attard, li ngħata l-Ministeru għall-Ippjanar, l-Infrastruttura u x-Xogħol, filwaqt li Chris Bonett se jmexxi Ministeru ġdid iffukat fuq il-Mobbiltà Sostenibbli.

Fost il-promozzjonijiet, Malcolm Paul Agius Galea ngħata l-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, waqt li Omar Farrugia se jmexxi l-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali.

Alison Zerafa Civelli wkoll ġiet promossa għal Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, filwaqt li Keith Azzopardi Tanti se jmexxi l-Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur.

Miriam Dalli żżomm ir-responsabbiltà tal-Enerġija filwaqt li l-portafoll tagħha ġie estiż biex jinkludi wkoll l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

Fil-livell ta’ Segretarji Parlamentari, Deo Debattista se jkun responsabbli mill-Anzjanità Attiva taħt il-Ministeru tas-Saħħa, filwaqt li Alicia Bugeja Said ingħatat ir-responsabbiltà tal-Ħarsien tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u l-Klima.

Skont il-Gvern, il-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kabinett tirrifletti l-prijoritajiet tal-leġiżlatura li jmiss, b’enfasi fuq it-trasformazzjoni diġitali, l-akkomodazzjoni, il-mobbiltà, l-investiment fis-servizzi pubbliċi u t-titjib tal-benesseri taċ-ċittadini.

Il-ġurament tal-ħatra tal-Kabinett il-ġdid mistenni jsir għada.

More in Kronaka