ARA|Robert Abela wiegħed li se jservi l-mandat sħiħ bħala Prim Ministru

Robert Abela qal li għandu l-intenzjoni li jservi l-mandat sħiħ bħala Prim Ministru, minkejja xahar ta' spekulazzjoni dwar il-futur tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Laburista

Robert Abela insista li għandu l-intenzjoni li "jservi l-mandat sħiħ" bħala Prim Ministru, f'kumment li x'aktarx se jservi biex iwaqqaf, tal-anqas għalissa, l-ispekulazzjoni kontinwa dwar il-futur tat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Abela kied qed iwieġeb għal-mistoqsija li saritlu minn din il-gazzetta waqt konferenza tal-aħbarijiet wara xhur ta' kummenti politiċi u analiżi li qajmu mistoqsijiet dwar kemm Abela se jibqa' fit-tmexxija tal-pajjiż. Diversi kummentaturi sostnew li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg qed jitqies minn ħafna bħala l-aktar persuna probabbli li eventwalment tieħu post Abela fit-tmexxija tal-Partit Laburista. Fl-istess waqt, ma naqsux l-ispekulazzjonijiet li l-Prim Ministru jista' ma jibqax fil-kariga sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li jmiss.

Madankollu, mistoqsi dwar il-futur tiegħu wara l-ħatra ta' kabinett ġdid mħabbar nhar l-Erbgħa, Abela għamilha ċara li l-fokus tiegħu jibqa' fuq il-ħidma tal-Gvern u fuq il-mandat li ngħata mill-elettorat.

Il-Prim Ministru qal li l-prijorità tiegħu hija li jkompli jwettaq il-programm elettorali li fuqu ġie elett il-Gvern fl-2022, filwaqt li sostna li l-amministrazzjoni tiegħu għandha responsabbiltà li twassal ir-riżultati mwiegħda lill-poplu Malti u Għawdxi.

Abela qal li fil-bqija tal-leġiżlatura l-Gvern se jiffoka fuq tliet oqsma ewlenin. L-ewwel prijorità hija li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija u joħloq aktar ġid, filwaqt li jiżgura li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jaslu għand il-familji u n-negozji. It-tieni prijorità hija dik tal-kwalità tal-ħajja, b'enfasi fuq aktar investiment fl-infrastruttura, l-ambjent u servizzi pubbliċi aktar effiċjenti. It-tielet prijorità hija l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha li jinsabu fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, li Abela ddeskriva bħala l-pjan ta' ħidma tal-Gvern għas-snin li ġejjin.

Ir-rimarki tiegħu ġew ġurnata wara li rajna diversi bidliet fil-Kabinett, b'numru ta' ministri u segretarji parlamentari ġodda. 

 

More in Kronaka