Moviment Graffitti jappoġġja protesta kontra bini ta’ dar tal-anzjani ta’ ħames sulari

Il-protesta hija skedata għat-Tnejn 8 ta’ Diċembru fl-10:00am

Moviment Graffitti esprima l-appoġġ tiegħu għal protesta kontra proposta għal dar tal-anzjani li tinvolvi bini ta’ ħames sulari fil-qalba ta’ Ħaż-Żabbar. Il-protesta se ssir nhar It-Tnejn 8 ta’ Diċembru fl-10:00am, bil-Parteċipazzjoni tas-Sindku Jorge Grech u l-kunsill lokali, li esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp.

F’kitba fuq il-midja soċjali, Grech qal li l-bini ppjanat mhux biss ikun ogħla minn dak ta’ madwaru, iżda jinsab ħdejn żona ta’ konservazzjoni urbana u ftit metri ’l bogħod mill-knisja parrokkjali.

Is-Sindku wissa li jekk l-iżvilupp jiġi approvat dan iħalli ħitan vojta u għolja fuq il-ġnub, jiddomina x-xena urbana, u anke jostakola l-veduta tal-logħob tan-nar tul il-festa. Huwa żied li taħt il-politiki attwali tal-ippjanar, l-iżviluppatur jista’ japplika għal żewġ sulari oħra, biex it-total jitla’ għal seba’ sulari.

“Nemmen li dan l-iżvilupp se jagħmel ħsara kbira lill-karattru ta’ Ħaż-Żabbar u lill-kwalità tal-ħajja fil-belt tagħna,” qal Grech.

Moviment Graffitti appella lill-pubbliku biex jingħaqad mal-protesta, filwaqt li saħaq fuq il-bżonn li jiġi protett l-ambjent urban u l-wirt kulturali tal-lokalità.

More in Kronaka