Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett ħabbar servizz ġdid ta’ Park & Ride f'Raħal Ġdid. Dan is-servizz jifforma parti mill-inizjattiva 'Reshaping our Mobility', bl-għan li jinħolqu mezzi ta’ trasport alternattivi ġodda u jisaħħu dawk preżenti.
Dan is-servizz ġdid ta’ Park & Ride f’Raħal Ġdid, ser jopera minn parkeġġ tal-Addolorata li bħalissa għandu kapaċita' għal aktar minn 220 vettura. Ser joffri wkoll soluzzjoni diretta għal dawk li jridu jmorru fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid kif ukoll l-isptar Mater Dei u l-Universita' permezz ta’ żewġ rotot ġodda.
Bonett qal li dan is-servizz ħa jibda jaħdem mit-13 ta' Lulju, li ħa jkun ta' benefiċċju kemm għar-residenti u għal kommunita kummerċjali ta' Raħal Ġdid. Minbarra l-Park & Ride, ħa jiġu estiżi roto u servizzi ġodda li għandhom jkopru aħjar iż-żoni kollha ta' Malta sabiex jħeġġu n-nies jużaw mezzi ta' trasport aktar sostenibbli u effiċjenti.
“Dan hu possibbli għaliex qed noħolqu alternattivi affidabbli għall-karozzi privati. Dan il-Park & Ride qed joffri soluzzjoni diretta għal dawk li jixtiequ jżuru iċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid b’servizz dirett u effiċjenti minn dan il-parkeġġ,” qal il-Ministru Bonett
Dan is-servizz qed jiġi mħabbar l-għada tal-inawgurazzjoni tal-breakwater u ferry landing ġewwa Buġibba. Dan il-proġett jħejji t-triq għal Tallinja bil-Baħar, kunċett ġdid fejn it-trasport pubbliku fuq l-art jintegra ma’ dak tal-baħar biex tinħoloq sistema ta’ mobbilita' multimodali.