Ir-raġel ta’ Bernice Cassar arrestat wara rejd mill-Pulizija fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu
Roderick Cassar ġie arrestat wara rejd fid-dar tiegħu fis-2:30am wara 17-il siegħa mid-delitt
More in Kronaka
Roderick Cassar ġie arrestat wara rejd fid-dar tiegħu fis-2:30am wara 17-il siegħa mid-delitt
Ġiet fi tmiemha operazzjoni ta’ iżjed minn 17-il siegħa hekk kif l-allegat agressur ta’ Bernice Cassar, żewġha stess, ġie arrestat fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Roderick Cassar ġie arrestat wara rejd fid-dar tiegħu fis-2:30am.
Il-Pulizija tal-Ispecial Intervention Unit sgassaw u daħlu fl-appartament tal-allegat aggressur li jinsab fit-tieni sular ta’ blokka ta’ appartamenti fi Triq il-Kataġiniżi, il-Qrendi fejn hemmhekk ġew sparati numru ta’ flash blanks u r-raġel ġie arrestat fi ftit ħin.
Fuq il-post il-pulizija sabet ukoll l-arma li x’aktarx kienet intużat fl-omiċidju. Ilbieraħ, il-Pulizija qalet li Cassar ma għandu l-ebda liċenzja biex ikollu arma tan-nar.
Filwaqt li r-raġel ma sofra l-ebda ġrieħi waqt li sar l-arrest, huwa xorta waħda ġie assistit minn tim mediku tal-ambulanza li kien fuq il-post.
Cassar inqatlet ilbieraħ b'tiri ta' arma tan-nar f'wiċċha u f'sidirha. Hija kienet iċċertifikata mejta fuq il-post tad-delitt, biswit il-vettura tagħha fiż-żona industrijali ta' Kordin.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri ilbieraħ qal li f'Awwissu li għadda, Bernice Cassar għamlet rikors quddiem il-Qorti li ħarġet ordni ta' protezzjoni fil-konfront tagħha.
Il-Ministru Camilleri spjega kif f'Mejju li għadda, kien sar rapport mill-vittma u l-Pulizija ħarġet l-akkużi fil-konfront tal-persuna li hija suspettata llum li wettqet id-delitt. Madanakollu, dawn l-akkużi ma kellhomx jibdew qabel Novembru tas-sena d-dieħla.
Il-Malta Women's Lobby esprima dieqa u rabja għall-qtil ta' mara oħra- vittma ta' vjolenza domestika u qal illi l-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni immedjata u effettiva sabiex "jipprevjenu, jipproteġu u jieħdu azzjoni kontra każi ta' vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika."
Huma qalu li huwa inaċettabbli li hemm Maġistrat wieħed biss li taħdem fuq każi ta' vjolenza domestika.