Is-suspettat fil-qtil ta' Bernice kellu jitressaq il-Qorti iżda mhux qabel sena oħra

Il-Ministru għall-Intern jgħid li f'Awwissu li għadda, Bernice Cassar għamlet rikors quddiem il-Qorti u din ħarġet ordni ta' protezzjoni fil-konfront tagħha

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li f'Awwissu li għadda, Bernice Cassar għamlet rikors quddiem il-Qorti li ħarġet ordni ta' protezzjoni fil-konfront tagħha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha kellha tiġi inawgurata Taqsima ġdida għall-Kontroll tal-Inċidenti Maġġuri, il-Ministru Camilleri tkellem biss dwar id-delitt ta' dalgħodu li ħalla omm ta' żewġt itfal bla ħajja f'Kordin.

Il-Ministru Camilleri spjega kif f'Mejju li għadda, kien sar rapport mill-vittma u l-Pulizija ħarġet l-akkużi fil-konfront tal-persuna li hija suspettata llum li wettqet id-delitt. Madanakollu, dawn l-akkużi ma kellhomx jibdew qabel Novembru tas-sena d-dieħla.

"Dan kollu ma kienx biżżejjed biex ikun evitat dak li seħħ dalgħodu. Kien hemm drabi fejn din il-vittma ġiet assistita," insista l-Ministru.

Qal li llum irid jibgħat messaġġ b'saħħtu u ċar u mill-informazzjoni, ġaladarba din tkun aktar ċara, ikun stabbilit x'seta' sar differenti u x'seta' sar aħjar.

"Tkellimt mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard iżda flimkien qbilna li taħt il-poteri li ttina l-Att dwar l-Inkjesta, se naħtru inkjesta li se tinvestiga pass pass dak kollu li ġara, tistabbilixxi dak kollu li ġara minn kull entità involuta f'dan il-proċess kollu," qal il-Ministru.

Saħaq li skont dak li jirriżulta minn din l-inkjesta, se jkunu qed jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn.

"L-inkjesta trid tistabbilixxi jekk kienx hemm nuqqasijiet u minn min saru," qal Camilleri.

Tenna li l-vjolenza domestika hija realtà kera ħafna u fakkar li fl-aħħar snin ittieħdu ħafna passi, inkluż it-twaqqif ta' taqsima speċjalizzata fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u anke l-emendi legali dwar il-Femiċidju.

"Fuq vjolenza domestika, dak li nagħmlu qatt mhu biżżejjed," qal il-Ministru. "Nagħti kelma li bħala Gvern se nieħdu l-passi kollha li jkun hemm bżonn biex niġġieldu din il-pjaga u jonqsu każi bħal dak li rajna llum."

Aqra wkoll: 'X'imkien qed infallu! Meta jsir rapport lill-Pulizija għandna nħarsu immedjatament is-saħħa tal-mara'

More in Politika