'X'imkien qed infallu! Meta jsir rapport lill-Pulizija għandna nħarsu immedjatament is-saħħa tal-mara'

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca tirreaġixxi għad-delitt ta' Brenice Cassar u tisħaq li jekk dan huwa każ ta' femiċidju ieħor, ifisser li l-liġi l-ġdida waħedha mhijiex biżżejjed

Il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn reviżjoni sħiħa tal-liġijiet, biex ikun assigurat li meta jsiru rapporti lill-Pulizija, jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex tkun imħarsa l-ħajja tal-mara.

Coleiro Preca qalet dan b'reazzjoni għad-delitt ta' Brenice Cassar u rapporti li din kemm-il darba għamel rapporti lill-Pulizija dwar periklu għal ħajjitha.

Il-President Emeritu staqsiet jekk dan huwiex femiċidju ieħor u jekk hu hekk dan ifisser li l-liġi l-ġdida mhijiex biżżejjed. Fi kliema, jekk dan huwa femiċidju, x'imkien il-pajjiż qed ifalli.

"Hemm bżonn taħriġ intensiv lill-Membri tal-Korp tal-Pulizija. Hemm bżonn edukazzjoni miċ-ċokon u mill-iskejjel tagħna. Hemm bżonn aktar riżorsi. Hemm bżonn strateġija u pjan ta’ azzjoni bis-serjetà," qalet Coleiro Preca.

Fi kliemha, mhuwiex biżżejjed li wara li jmutu n-nies jittieħdu l-azzjonijiet biex jinqabad l-aggressur. Insistiet, li b'daqshekk ħadd ma jikkonsla.

"Mhux ta’ b’xejn għandna tant tfajliet u nisa li qed iħossuhom li mhumiex siguri li jimxu waħedhom fit-triq u issa fi kwalunkwe ħin," temmet tgħid il-President Emeritu.

More in Politika